Ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern tal-Labour, bl-ammonti deskritti esaġerati …mhux aċċettabbli għas-soċjetà, għall-ġenituri u għall-Partit Nazzjonalista.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qiegħed jiġi intervistat mid-Deputy News Editor ta’ Newsbook Matthew Mamo fis-Siġġiewi l-Ħadd filgħodu fejn saħaq li b’rabta mar-riforma fil-qasam ta’ droga, il-Gvern irid jirtira l-White Paper minnufih.
Huwa saħaq li l-Gvern ma jistax jibqa’ jaħbi, ma jistax li NGO bħal Caritas tkun taf b’dawn il-proposti mal-pubbliku u mhux qabel ma ġew proposti dawn l-ammonti. Dan filwaqt li stqarr li min għandu bżonn jingħata l-għajnuna….għandha tingħatalu minnufih.
Bernard Grech sostna li l-Gvern ta’ Abela mifni bi kriżi waħda l-oħra fosthom fis-saħħa, fl-infrastruttura, fl-ambjent, fl-enerġija…u fl-edukazzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li uliedna jagħmlu 8 sigħat kważi kuljum mal-edukaturi, li huma l-benniena tas-soċjetà tagħna – essenzjali għall-iżvilupp ħolistiku tagħhom.
Għaldaqstant appella lill-Gvern sabiex jieqaf jissupervja mal-għalliema għad-detriment tal-istudenti Maltin u Għawdxin.
Mistoqsi dwar it-tema tal-immigrazzjoni u l-popolazzjoni Bernard Grech insista li f’pajjiżna ma jistax ikun li jinġiebu eluf ta’ ħaddiema barranin għall-iskjavitu moderna imbgħad inħallu persuni f’nofs ta’ baħar f’ħalq il-mewt.
B’rabta mal-Presidenza hekk kif George Vella wasal fi tmiem it-terminu tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Robert Abela mhux jifhem l-urġenza u wissa li mhux se jkun qed iħallieh jimponi isem iżda għal darb’oħra ħeġġu għad-diskussjoni.
B’rabta mat-tmexxija tax-Xandir tal-Istat, Bernard Grech sostna li Gvern ta’ Robert Abela huwa bl-aktar mod ċar determinat sabiex jeqred id-diskussjoni iżda insista li taħt Gvern Nazzjonalista dan se jkun qiegħed jinbidel.
Finalment, mistoqsi dwar il-Kummissajru tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, Bernard Grech insista li hemm bżonn ta’ azzjoni u investigazzjoni għal kull min b’xi mod jew ieħor naqas minn dmiru quddiem il-poplu Malti u Għawdxi
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-poplu qiegħed jitlef il-fiduċja fil-Gvern għaliex ma jistax ikun li min suppost jiżgura li l-liġi tiġi mħarsa…japplika l-istess liġi fuq iċ-ċittadin mod…u fuq min huwa fil-poter u jikkonfoffa mal-kriminali mod ieħor.
//= $special ?>