Lokali

SPTARIJIET: “Aġir inkompetenti u kriminali” – Professur minn Università f’Londra jikkritika bl-aħrax lill-Gvern

“L-uffiċjali tal-Gvern huma responsabbli wkoll – ma jistgħux jaħarbu mill-ġustizzja”

L-eżekuzzjoni b’rabta mad-deal tat-tlett sptarijiet kienet ikkaratterizzata minn falliment ta’ governanza….possibilment bi skop kriminali.

Sostna dan l-espert f’risk management u governanza kif ukoll Professur f’University College ta’ Londra, Colin Lawrence…f’intervista li se tixxandar nhar it-Tlieta, 23 ta’ Jannar, waqt il-programm Magħkom fejn spjega li l-idea li jinħoloq settur ġdid f’pajjiżna ta’ medical tourism kienet waħda tajba madanakollu kien hemm nuqqas kbir ta’ governanza ġusta….kważi kważi kriminali.

Huwa spjega li uffiċjali tal-Gvern ikkollaboraw ma’ kumpanija, Vitals Global Healthcare, sabiex jassiguraw konċessjoni li għaliha ma kienx ħareġ tender pubbliku.

Lawrence saħaq li s’hawn biss diġà kien hemm nuqqas kbir, nuqqas li wassal biex is-servizzi mwiegħda ma ngħatawx lura.

Il-Professur spjega li l-uffiċjali tal-Gvern ma jistgħux ikunu eżonerati mill-azzjonjiet li wettqu…u ddeskriva dan il-każ bħala wieħed inkompetenti għall-aħħar…b’intenzjoni kriminali.

Dan filwaqt li Lawrence kkritika wkoll l-irwol tal-eks Ministru Laburista..illum Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna…hekk kif insista li kien il-Ministeru tiegħu li dan id-deal kien iffinanzjat.

Huwa kompla li għaldaqstant wara l-imġieba ta’ Scicluna…ma jemminx li jaf jattwa framework ta’ governanza tajba, jew idea ta’ risk management. Dan filwaqt li saħaq li ċertament dan kollu ħalla tebgħa fuq il-kompetenza ta’ Scicluna.

Waqt li kien intervistat minn Lea Hogg, Lawrence sostna li minkejja li fl-2022 Malta ħarġet mill-greylist tal-FATF, hu jemmen li xorta waħda f’Malta għad hawn governanza fqira ħafna…u insista dwar il-bżonn ta’ riforma istituzzjonali b’saħħitha. Fost oħrajn, il-ħolqien ta’ bord regolatorju speċifikament fuq il-Ministeru tal-Finanzi biss.

Finalment Colin Lawrence saħaq li f’Malta hawn problema ta’ infurzar tal-liġi, u staqsa kif l-uffiċjali tal-Gvern…inkluż il-Ministri responsabbli, se jkunu qed jirritornaw lura l-flejjes involuti f’dan il-frodi.

Dan għaliex, kompla jgħid, li l-Gvern awtofinanzja dan id-deal minħabba li hu kien shareholder fil-bank lokali li ħareġ il-flus.