Lokali

Din l-iskema hija biss ‘intervent artifiċjali’ – iċ-Chamber of SME’s

Iċ-Chamber of SME’s għamlitha ċara li ma taqbilx ma’ dak li qed issejjaħlu ‘intervent artifiċjali’ li sar min-naħa tal-Gvern f’ekonomija li għandha suq miftuħ.

Dan fid-dawl li l-Ħamis li għadda l-Gvern ħabbar skema ta’ suppost roħs fil-prezz ta’ ċerti prodotti… traħħis li se jsir biss fuq 15-il prodott.

Din l-iskema li se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Frar li ġej se tibqa’ għaddejja sal-ġurnata tal-Budget, li ġeneralment isir f’Ottubru. U jidher li n-nies ftit li xejn se taffetwahom.

Il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar qalet li d-deċiżjoni tal-Gvern biex il-prezz ta’ certu prodotti jkun wieħed fiss, mhux l-iktar deċiżjoni vijabbli fid-dawl tal-kwistjoni kumplessa tal-inflazzjoni.

Iċ-Chamber of SME’s qalet li s-settur tal-ikel ma kienx l-uniku settur li kien affettwat mill-għoli tal-ħajja. U filfatt kienu l-maġġoranza tal-prodotti li ġew affettwati mill-inflazzjoni.

Għalhekk, sosniet li kien inġust li ntgħażel biss dan is-settur sabiex ikun hemm traħħis fil-prezzijiet. U fid-dawl ta’ dak li għaddej minnu pajjiżna, il-Gvern għandu jkollu pjanijiet fit-tul filwaqt li għandhom jissaħħu l-prodotti lokali.

Iċ-Chamber of SMEs uriet ukoll it-tħassib tagħha dwar il-mod kif il-Gvern mexa bid-diskussjonijiet u dwar il-pożizzjoni diffiċli li spiċċaw fiha l-operaturi privati. Dan hekk kif issa jidher li l-prezzijiet se jibqgħu fissi sa Ottubru li ġej anke jekk inkun hemm ċaqliq fil-prezz fuq livell internazzjonali. Apparti dan – fost ir-riperkussjonijiet li din l-iskema se tkun qed toħloq – hemm il-fatt li prodotti oħra se jkunu qed jiżdiedu fil-prezz sabiex jagħmel tajjeb għal tnaqqis fil-prezz tal-prodotti li jiffurmaw parti minn din l-iskema tal-Gvern.