Kultura Lokali

Ftit aktar minn ġimagħtejn ‘il bogħod mill-Karnival

Ritratt: Matthew Tabone

L-avvenimenti tant popolari tal-Karnival jinsabu biss ftit aktar minn ġimagħtejn ‘il bogħod – festa ta’ briju, kulur u tradizzjonijiet, bi programm adattat għall-familja kollha.

Fil-Karnival ta’ din is-sena se jkun hemm ir-ritorn tal-banda tradizzjonali Maltija u l-banda bil-karru wara nuqqas ta’ 25 sena. Dan apparti li ċ-ċelebrazzjoniiet mhux se jsiru biss fit-toroq tal-Belt Valletta u l-Furjana iżda l-Karnival se jsir anke fil-lokalità tal-Ħamrun kif ukoll iż-Żurrieq.

Fost l-avvenimenti se jkun hemm il-Qarċilla – it-tradizzjoni tat-teatru tat-triq li kien isir fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Qarċilla, din is-sena, se ssir fi Triq l-Ordinanza biswit it-Teatru Rjal.

Waqt it-tnedija tal-programm tal-karnival ġiet imfakkra l-memorja ta’ Pawlu Curmi magħruf bħala “Il-Pampalun” dan hekk kif dan se jkun l-ewwel Karnival wara l-mewt tiegħu. U għalhekk, din is-sena se jkun hemm wirja ddedikata għalih fi Spazju Kreattiv.

Net News tkellem mad-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta Jason Busuttil illi qalilna li bħalissa qegħdin jaħdmu lejl u nhar sabiex kollox ikun lest għall-Karnival.

Dan apparti li għal din is-sena se jkun hemm numru ta’ karrijiet ddedikati għal kantanti u artisti prominenti.

Jason Busuttil spjega li d-dilettanti tal-Karnival jaħdmu matul is-sena kollha sabiex dan l-avveniment ikun possibbli.

Din is-sena, il-Karnival se jsir mid-9 sat-13 ta’ Frar – b’celebrazzjonijiet kbar anke fil-gżira Għawdxija.