Żvolta interessanti fil-Kampjonat BOV Premier hekk kif issa għandna lil Ħamrun Spartans li jinsabu weħidhom fl-ewwel post tal-klassifika. Dan wara li t-tim immexxi minn Luciano Zauri għeleb lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-1 f’logħba diffiċli li iżda l-Ispartans kien jimmerithom li jirbħu. Ħamrun kienu ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi filwaqt li l-avversarji tagħhom tal-ġurnata Hibernians minn żewġ draws u rebħa. Matul il-ġimgħa ż-żewġ naħat għaddew ukoll għar-Round tas-Sittax tal-IZIBET FA Trophy meta eliminaw lil Lija Athletic u Qala Saints rispettivament. Wara li fetħu l-iskor f’nofs l-ewwel taqsima minkejja n-numru ta’ okkażjonijiet li ħolqu, ma’ ħadux iċ-ċansijiet biex kien biss lejn tmiem il-logħba li huma ssiġillaw ir-rebħa.
Floriana sofrew it-tieni telfa tal-istaġun u tilfu l-kmand tal-klasssifika kif ukoll il-pass mal-leaders Ħamrun Spartans meta ġew megħluba minn Gżira United bl-iskor 1-0. X’ironija li sal-bidu tas-sena kienu l-Greens li kellhom vantaġġ ta’ tlett punti fil-quċċata tal-klassifika biex issa huma l-Ispartans li fetħu l-istess distakk ta’ punti. Din kienet logħba importanti għall-Maroons ukoll fejn fuq il-bank kien hemm Andrew Cohen li kien qed imexxi lit-tim wara r-riżenja ta’ Darren Abdilla matul il-ġimgħa li għaddiet. Il-Greens, taħt pressjoni wara li ġurnata qabel Ħamrun Spartans kisbu rebħa oħra, ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva biex jippruvaw jieħdu vantaġġ bikri. Il-Maroons ikkontrollaw tajjeb biex qabel għalqet l-ewwel taqsima skurjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Tlett punti li swew mitqlu deheb għal Gżira United fit-tentattiv li jeħilsu miz-zona l-ħamra.

Ikompli l-mument pożittiv ta’ Santa Lucia fejn huma kisbu t-tieni rebħa konsekukttiva wara li għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1. Tlett gowls li kollha waslu fl-ewwel taqsima. Kienet logħba li rat lill-Istripes juru nuqqas ta’ konċentrazzjoni biex Santa Lucia approfittaw u skurjaw il-gowls li riedu sabiex kisbu rebħa importanti ħafna. B’din ir-rebħa Santa Lucia issa laħqu lil Mosta u jinsabu żewġ punti biss taħt Valletta u Gżira United. Mill-banda l-oħra Birkirkara baqgħu fil-ħames post tal-klassfika b’20 punt. Birkirkara kienu ġejjin minn rebħa kontra Sirens filwaqt li Santa Lucia kienu ġejjin minn rebħa kontra Gżira United. Sa ftit ġimgħat ilu s-Saints kienu għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa biex ir-rebħa tal-Ħadd kienet it-tielet waħda u t-tamiet issa qed ikomplu jikbru.
Ftit tan-nifs għal Valletta li finalment irritornaw għar-rebħ, dan wara li huma għelbu lil Gudja United bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Kienet rebħa meritata għat-tim mill-kapitali fejn wara li kisbu vantaġġ kmieni fil-partita kkontrollaw il-logħba. Huma taw id-debutt lill-goalkeeper Alessandro Guarnone li rritorna magħhom matul din il-ġimgħa. Il-Beltin kienu ilhom ma jirbħu għal tlett xhur. Anki Gudja kellhom xi wċuħ ġodda fit-tim li huma akkwistaw matul is-suq tat-trasferiment li fetaħ fil-bidu tas-sena. Stephen Owusu beda mill-bidu biex matul il-partita ddebuttaw ukoll l-eks plejer ta’ Swieqi United Ibrahim Salis, Ernesto Gentile u Rodrigue Nanitelamio. Din kienet is-seba’ telfa għalihom fejn fi tmiem l-ewwel round għadhom l-uniku tim bla rebħa.

Derby ferm mistenni li rriżulta f’wieħed kumbattut kien dak li laqqa’ lil Naxxar Lions u Mosta biex iż-żewġ naħat ħadu punt kull wieħed minn draw ta’ bla gowls. Logħba li kienet segwita minn numru sabiħ ta’ partitarji li sforz ir-rivalità li teżisti bejn iż-żewġ lokalitajiet telgħu bi ħġarhom fl-Istadium Nazzjonali. Lura għall-partita, din bdiet b’ritmu tajjeb fejn iż-żewġ naħat bdew ikunu aggressivi u determinati li jiksbu r-rebħa. Naxxar u Mosta l-aħħar li ltaqgħu fil-Kampjonat Premier kien fl-istaġun 2017/18 b’Naxxar jirbħu ż-żewġ konfronti bi skor identiku ta’ 2-0. Il-Lions iffaċċjati mill-qawwa ta’ Floriana kienu l-uniku tim mill-Kampjonat Premier li safa’ eliminat mill-IZIBET FA Trophy il-ġimgħa li għaddiet. Finalment punt kull wieħed li aktar ikkuntenta lil Naxxar milli lil Mosta.
Sliema Wanderers saħħaw it-tielet post fil-klassifika, dan wara li huma kisbu d-disa’ rebħa tal-istaġun. Kien gowl uniku skurjat fit-tieni taqsima li ddeċieda l-partita u qaleb il-miżien favur il-Blues, f’logħba li kienet nieqsa ħafna mill-azzjonijiet. Telfa għat-tim minn San Pawl il-Baħar li tħallihom ankrati f’qiegħ il-klassifika. Madanakollu l-istorja setgħet kienet waħda differenti li kieku Sirens ma fallewx penalty kmieni fil-partita. Ċansijiet bħal dawn huma kruċjali dejjem iżda żgur li aktar meta t-tim ikun jinsab f’sitwazzjoni diffiċli. Fl-aħħar konfront li kien intlagħab bejn dawn iż-żewġ timijiet kienu Sirens li ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 5-0 iżda minn sentejn ilu l’hawn l-istorja inbidlet sew.

Marsaxlokk telgħu waħidhom fir-raba’ post tal-klassifika wara draw ta’ mingħajr gowls kontra Balzan. Partita li minkejja nieqsa ħafna mill-azzjonijiet b’mod partikolari fl-ewwel taqsima x-Xlukkajri setgħu kisbu l-punti massimi b’mod partikolari fl-aħħar parti tal-logħba. Balzan kienu ġejjin minn rebħa kontra Mosta u mill-banda l-oħra l-avversarji tagħhom Marsaxlokk fl-aħħar logħba spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Hibernians. Kemm Marsaxlokk kif ukoll Balzan kienu attivi matul l-aħħar ġranet biex isaħħu l-iskwadra tagħhom fejn l-objettiv tagħhom jibqa’ dak li jippruvaw jiksbu post fl-Ewropa.

INNUTAJNA
LI fl-Istadium Nazzjonali assistejna għal koreografija u armar sabiħ mill-partitarji ta’ Naxxar Lions qabel il-bidu tad-derby kontra Mosta li spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls. Wieħed irid japprezza dak li jagħmlu l-partitarji għat-tim tar-raħal tagħhom.
LI matul il-ġimgħa li għaddiet numru ta’ timijiet b’mod partikolari dawk imsejħa kbar ħadu l-okkażżjoni biex għal-logħbiet tat-Trophy taw iċ-ċans lil numru ta’ plejers żgħażagħ sabiex ikunu mal-ewwel ħdax. Mossa bħal din timmotiva aktar lil dawn il-plejers sabiex jistinkaw u jemmnu aktar.
LI jkompli jsir aktar interessanti ċ-Challenge League hekk kif teżisti taqtiegħa kbira bejn diversi timijiet li jridu li jispiċċaw fl-ewwel sitt postijiet tal-klassifika sabiex jevitaw li jkunu qed jissieltu kontra r-relegazzjoni. Matul tmiem il-ġimgħa spikkat ir-rebħa ta’ Marsa fuq Żabbar St Patrick kif ukoll ta’ St Andrew’s kontra Pietà.
//= $special ?>