Għawdex Kultura Lokali

IL-BINI BISWIT IL-ĠGANTIJA: Owen Bonnici jfarfar fuq l-Awtorità tal-Ippjanar

Wara li bosta entitajiet, attivisti Għawdxin, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista kkundannaw il-bini ta’ blokka appartamenti biswit it-Tempji tal-Ġgantija jidher li dan il-każ huwa altru milli magħluq.

It-Tnejn filgħodu Net News saqsa lill-Ministru Owen Bonnici fejn waslet din il-kwistjoni tal-blokka ta’ appartamenti – permess li bosta ddeskrivewh bħala theddida fuq il-wirt dinji illi biha huwa mgħoni pajjiżna.

Iżda l-Ministru Owen Bonnici – li hu responsabbli mill-wirt nazzjonali – farfar kollox fuq l-Awtorità tal-Ippjanar.

F’Novembru li għadda s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali għamlet talba lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġi ffriżat il-permess għall-bini tal-blokka t’appartamenti biswit il-Ġgantija; permezz li kien diġa’ approvat.

Din it-talba saret sabiex is-Sovritendenza tagħmel Heritage Impact Assessment – appell li kien sar minn diversi għaqdiet. U sa issa, għadu ħadd ma jaf għaliex dan l-assessment ma sarx qabel.

Jidher li s-Sovritendenza tat il-barka tagħha mingħajr ma sar assessjar; bil-konsegwenza li mhux biss tqiegħdet f’periklu s-sit megalitiku iżda l-istatus ta’ dawn it-tempji storiċi.

Fil-bidu ta’ din is-sena l-Kunsilli Lokali Għawdxin appellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ma’ jitlax dan il-bini fix-Xagħra filwaqt illi qalu li l-awtoritajiet injoraw għal kollox l-appelli tal-UNESCO.

Fl-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista sostna li għandna nieħdu ħsieb il-wirt dinji li għandna f’pajjiżna u għalhekk irridu naraw li dawn is-siti ma’ jintilfux minħabba nuqqas ta’ azzjoni minn min huwa obligat li jħarishom.