Lokali Parlament

Il-gvern qed joħloq iktar inċertezzi dwar l-aġenziji li jġibu ħaddiema barranin


Claudette Buttigieg, PN


Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li l-gvern qed joħloq iktar inċertezzi dwar l-aġenziji li jġibu ħaddiema barranin u mhux qe djoffri iċ-ċertezzi neċessarji.


Claudette Buttigieg qalet li l-gvern warrab il-proposti kollha tal-Oppożizzjoni ħlief għal żewġ klawsoli u sostniet li l-gvern qed jammetti li dak li qed jipproponi l-gvern Laburista kien diġà wettqu gvern Nazzjonalista snin ilu.


Dawn il-proposti kienu saru f’realtajiet differenti minn dawk tad-disgħinijiet, meta Gvern Nazzjonalista kien daħħal il-liġijiet dwar is-settur tax-xogħol.


Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-PN jrid joħloq ċertezza legali iżda l-gvern qed ibiddel il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tant li fejn hemm inċertezza legali, il-proposti tal-PN ġew injorati.


Claudette Buttigieg kompliet li l-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni għandhom jgħinu fil-proċess iżda l-gvern ħassar il-proposti kollha li ressqet l-Oppożizzjoni.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li r-regoli kif qed jipproponiehom il-gvern se joħolqu inċertezza bil-gvern iwaqqaf kull tibdil propost mill-PN li jista’ jagħmel differenza pożittiva kbira. Il-PN qed jantiċipa li se jkun hawn problemi ikbar f’dan is-settur u b’dawn ir-regoli.


F’Malta bħalissa hawn 200 aġenzija tax-xogħol jew individwu liċenzjati f’Malta. Bejn l-1995 u l-2012 kien hawn 37 aġenzija liċenzjata iżda aktar tard, in-numri kibru tant li fl-2019 kien hemm 34 aġenzija liċenzjata; daqskemm kien hemm bejn l-1995 u l-2012.


Dan il-volum kbir ta’ aġenziji tax-xogħol u ta’ ħaddiema jwassal biex iċ-ċertezza legali dwar x’għandu jsir għandu jkun enfażizzat. Għalhekk għandu jkun hemm kjarezza, sostniet id-deputat Nazzjonalista li qalet i din l-inċertezza se twassal biex il-qrati jibgatu din il-liġi lura quddiem il-parlament.


Il-gvern mhux jikteb tajjeb biżżejjed dan l-avviż legali iżda minkejja l-pariri tal-Oppożizzjoni, qed jibqa’ għaddej. Dan qed isir għaliex il-gvern m’għandux il-maturità neċessarja u qed iħalli toqob fil-liġi li se jkunu imfittxija minn dawk li propju jfittxu dawn in-nuqqasijiet.


L-aġenziji qed jipprovdu wkoll servizz lis-settur pubbliku u dak privat, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li hemm vulnerabbiltajiet kbar partikolarment min-nies li m’għandhomx il-kultura Maltija u li għalhekk ma jkunux informati dwar id-drittijiet tagħhom.


Id-deputat Nazzjonalista kompliet li ħafna mill-ħaddiema li ġejjin Maltin ġejjin minn kulturi u pajjiżi fejn m’hemmx drittijiet u fejn il-ħaddiema jaċċettaw kollox. Hemm familji barra minn Malta li jiddependu mill-flus li jdaħħlu dawn il-ħaddiema li jiġu f’Malta.


Claudette Buttigieg sostniet li hawn realtajiet koroh fil-pajjiż fejn l-isfruttament tal-ħaddiema hu preżenti ħafna tant li qed jolqot lill-ħaddiema nisa li ġejjin minn kulturi fejn in-nisa ma jitkellmux għad-drittjiet tagħhom. Il-kunċett ta’ pagi indaqs għandu jkun implimentat, sostniet id-deputat Nazzjonalista li semmiet id-diskriminazzjoni, il-fastidju sesswali, in-nuqqas ta’ protezzjoni legali u l-pagi baxxi fost il-problemi ewlenin li qed jiffaċċjaw dawn il-ħaddiema barranin li jinġiebu Malta.