Żvolta ġdida fil-każ ta’ Vitals/Steward hekk kif dalgħodu sar magħruf li l-Imħallef illi quddiemu kienet qed tinstema’ l-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista sabiex jinġiebu lura l-miljuni li nsterqu mid-deal tal-isptarijiet, kellu jirrekuża ruħu. Dan wara li l-partner tiegħu qed tidher bħala “kuratur” f’isem Steward Healthcare.
L-Imħallef qed jgħid li sar jaf b’dan il-fatt fit-18 ta’ Jannar. U dalgħodu, f’digriet mogħti minnu stess, ħabbar li mhux se jkompli jisma’ dan il-każ. Bil-Kap tal-PN Bernard Grech jgħid li hu jirrispetta din id-deċiżjoni.
Fid-digriet, l-Imħallef qal illi peress li l-avukat Yanika Marie Bugeja “hija l-partner tal-Imhallef u li issa prestat is-servizzi professjonali taghha in rappreżentanza tas-socjetà Steward Malta Assets Limited proprju fuq l-istess mertu … issa inħolqot sitwazzjoni li timpedixxi lill-Imhallef li jkompli jisma’ u jiddetermina il-kwistjoni hawn devoluta”.
Il-kawża tal-PN li fetħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u x-Shadow Minister tas-Saħħa Adrian Delia kellha tkompli tinstema’ dalgħodu fil-Qorti – iżda fil-fatt, is-seduta ma saritx sakemm jiġi appuntat Imħallef ieħor.
Mal-ġurnalisti, Bernard Grech stqarr li se jibqa’ jaħdem fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin ħalli kemm jista’ jkun malajr jinġiebu lura l-miljuni kbar li nsterqu f’dan id-deal frawdolenti u li sar b’kollużjoni.
//= $special ?>