Lokali Saħħa

“Il-PN kommess li jkompli jaħdem fl-interess tal-poplu sabiex jinġiebu lura l-miljuni li ngħataw lil Vitals u Steward”

Il-kawża li fetħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u x-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia biex jinġiebu lura l-€400 miljun li ngħataw lil Vitals u Steward illum ma nstemgħetx għax l-Imħallef iddeċieda li jirrekuża ruħu milli jisma’ l-kawża.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu u Adrian Delia se jibqgħu jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom għax hu biss il-Partit Nazzjonalista li qed ifittex l-interessi tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huma diġà ddikjaraw il-fiduċja tagħhom fl-Imħallef u allura, jirrispettaw din ir-rekuża, ladarba hu ħass li kellu jieħu din id-deċiżjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Qorti, fid-deċiżjoni tal-appell f’Ottubru li għadda, kienet qalet li dawk li suppost qegħdin hemm biex iħarsu l-interessi tal-poplu, kienu aktar moħħhom biex iħarsu l-interessi ta’ dawk li tawhom l-isptarijiet.

Tenna li jidher ċar li la ħadd ma jrid jagħmel xogħlu, jibqa’ biss il-Partit Nazzjonalista l-gwardjan tal-interessi tal-poplu u li jibqa’ jiġġieled biex flus il-poplu jiġu lura għand il-poplu wara li kien biss bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista li ġibna l-isptarijiet lura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u x-Shadow Minister għas-Saħħa kienu akkumpanjati fil-Qorti mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.