Lokali

L-MEP Nazzjonalista David Casa jżur id-Dar tal-Providenza

L-MEP Nazzjonalista David Casa żar id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn iltaqa’ mar-residenti u l-istaff u esprima s-sapport tiegħu għall-ħidma u l-ħtiġijiet li huma għandhom bżonn.

Casa faħħar lid-Dar Tal-Providenza għas-“servizz u d-dedikazzjoni eżemplari” li joffru lill-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom. Huwa enfasizza wkoll l-importanza li jiġu żgurati drittijiet u opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità madwar l-Unjoni Ewropea.

L-MEP Casa ntlaqa’ mid-Direttur Fr. Martin Micallef li dawwru mal-kumpless kollu u spjega l-ħidma infrastrutturali li qed issir. Huwa rringrazzja lill-MEP Casa għall-ħidma li qed jagħmel b’risq persuni b’diżabbiltà fil-Parlament Ewropew.

David Casa bħalissa huwa n-negozjatur ewlieni f’isem il-Grupp Popolari Ewropew li qiegħed imexxi liġi biex tespandi d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà. Din se tobbliga kull stat membru biex jagħraf il-Karta Ewropea tad-Diżabbiltà, dokument komuni li jiffaċilita l-aċċess ta’ persuni b’diżabbiltà għal diversi benefiċċji u servizzi f’pajjiżi differenti tal-UE. Il-karta, li jiġu bżonnha ‘l fuq minn 100 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea, tippromwovi wkoll ir-rikonoxximent u l-viżibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà.

F’kummenti ma’ Net News, Casa qal li ż-żjara tiegħu fid-Dar Tal-Providenza misset lil qalbu u ra x-xogħol li qed isir b’dedikazzjoni eżemplari. Sostna jgħid li persuni b’diżabbiltà jixirqilhom ir-rispett u l-appoġġ tagħna, mhux biss f’Malta, iżda fl-Ewropa kollha. Huwa għalhekk li fil-Parlament Ewropew huwa nsista għall-adozzjoni tal-Karta Ewropea tad-Diżabilità, li spjega li se tagħmel differenza fil-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. “Nemmen li din il-karta tkun pass konkret lejn Ewropa aktar inklussiva u aċċessibbli għal kulħadd,” temm jgħid Casa.

Lejn l-aħħar taż-żjara David Casa talab fuq il-qabar ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi, fundatur tad-Dar tal-Providenza li jinsab midfun fl-istess Dar.

Waqt żjara f’din id-dar li tgħin persuni b’diżabbiltà, l-MEP Casa kien akkumpanjat mix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.