Lokali

“Min jitħanżer m’għandux dritt jaħbi”

L-għaqda Repubblika hi mħassba bid-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li qed jipproteġi dak li jgħidu li hu d-dritt għall-privatezza ta’ min uża l-poter politiku tiegħu biex japprofittu ruħu imbagħad gideb fuq kif għamel hekk.

Repubblika tittamma li l-appell ta’ Mark Camilleri mill-ordni tal-Kummissarju iwassal biex jintgħaraf il-fatt li l-interess pubbliku li jkun mikxuf l-abbuż tal-poter jisboq xi dritt li Yorgen Fenech jista’ jippretendi li għandu li jżomm moħbija l-kompliċità tiegħu fl-abbuż tal-poter tal-politiċi li raqdu miegħu.

Meta Mark Camilleri ippubblika l-informazzjoni li kellu sar magħruf li Rosianne Cutajar gidbet fuq ir-relazzjoni tagħha ma’ Yorgen Fenech meta tkellmet fl-interess tiegħu fil-Parlament u fil-Kunsill tal-Ewropa mingħajr ma ddikjarat ir-relazzjoni tagħha miegħu. Sar magħruf li Rosianne Cutajar irċeviet rigali mingħand Yorgen Fenech qabel tkellmet fl-interess tiegħu. Sar magħruf li ħadet paga għal xejn minn dipartiment tal-gvern għax, fi kliemha, “kulħadd jitħanżer”.

Kien fl-interess pubbliku li dan kollu jsir magħruf anke jekk fil-proċess imbarazza lill-persuni involuti f’dan l-iskandlu. Tant kien fl-interess pubbliku li meta dan sar magħruf, Rosianne Cutajar kellha tirriżenja.

L-ordni tal-Kummissarju hi komda għal Robert Abela li issa qal li jrid jaħfer lil Rosianne Cutajar u jippromoviha fil-politika. Bħal Ministeru Orwelljan tal-Verità il-Kummissarju jrid jaħraq ir-rekord ta’ dak li għamlet Rosianne Cutajar biex kulħadd ikollu jinsieh u Rosianne Cutajar tkun tista’ terġa’ tiġi fil-glorja.

Dan sempliċiment mhux aċċettabbli. L-impunità għall-korruzzjoni u l-ħniżrijiet m’għandhomx posthom fil-ħajja pubblika, lanqas bil-barka tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.