Internazzjonali

Qraba tal-ostaġġi jappellaw lil Netanyahu sabiex iġib l-ostaġġi lura minn Gaza

Ritratt: Sky News

“Ħudu azzjoni immedjata sabiex jinħelsu issa.”

Dan kien l-appell tal-qraba tal-ostaġġi li jinsabu taħt idejn il-Hamas f’Gaza wara li daħlu f’nofs laqgħa fil-Parlament ta’ Iżrael.

Fil-filmati li dehru fuq il-media soċjali spikka l-fatt li s-sigurtà tal-Parlament ma ħadet l-ebda azzjoni kontra dawk li kienu qed jipprotestaw. Dan wara li l-Ħadd filgħaxija l-attivisti għamlu tinda qrib il-Parlament – u saħqu li se jibqgħu hemm sakemm il-Gvern jilħaq qbil u jġib lura l-kumplament tal-ostaġġi.

Fis-7 ta’ Ottubru li għadda propju fil-bidu ta’ dan il-kunflitt, il-grupp Hamas ħataf madwar 250 ostaġġ u l-aħħar rapporti jindikaw li preżentament f’Gaza baqa’ madwar 130 ostaġġ.

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu m’aċċettax il-kundizzjonijiet li preżentaw il-Hamas, bil-għan li l-gwerra tasal fi tmiemha kif ukoll jinħelsu l-kumplament tal-ostaġġi. Il-kundizzjonijiet fost l-oħrajn kienu jinkludu li l-Hamas jkunu responsabbli minn Gaza.

F’reazzjoni għal dan, il-Forum tal-Missing Persons Families appella lil Netanyahu sabiex jassigura li mhuwiex se jabbanduna lill-ostaġġi li ttieħdu f’Ottubru li għadda.