Lokali

Abela jibqa’ jinjora l-appelli biex ineħħi t-taxxa mill-għajnuna tal-COLA

Wara l-kabinett jonqos milli jwieġeb ċar jekk investigax lil min tħanżer

Minkejja l-appelli tal-Unions, minkejja l-insistenza tal-Assoċjazzoni ta’ Min Iħaddem, minkejja li l-Partit Nazzjonalista issa ilu xhur jisħaq sabiex il-Gvern jisma’ mill-esperti u l-akkademiċi bil-għan li verament jgħin liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin – il-Prim Ministru Robert Abela donnu kommess li jibqa’ jinjora l-proposta biex ineħħi t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA.

B’kollox huwa stmat li mill-għajnuna li tinghata fil-ġimgħa mill-employers – il-Gvern qed jieħu minn but il-poplu aktar minn 28%. Dan ifisser li l-Maltin u l-Għawdxin qed jieħdu 72% biss minn dak li ħaqqhom bi dritt; flus li qed jingħatawlhom grazzi għal mekkaniżmu mwaqqaf minn Gvern Nazzjonalista sabiex verament jiġi mgħejun iż-żgħir.

L-MEA spjegat li l-Gvern ta’ Abela qed idaħħal xejn inqas minn €40 miljun mit-taxxa fuq l-għajnuna li suppost qed tgħin lill-ħaddiem. U għalhekk, qed tiżdied il-pressjoni fuq il-Prim Ministru innifsu biex ma jibqax inaqqar dawn il-miljuni minn ħalq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

It-Tlieta, ftit tal-minuti wara l-Kabinett tal-Minsitri organizzat fid-Dar tal-Providenza – fejn spikkaw diskorsi ta’ mexxejja ta’ NGOs illi appellaw dwar l-importanza tal-volontarjat u kemm huwa importanti li ngħinu lil xulxin – il-ġurnalisti preżenti staqsew lil Abela dwar jekk hux se jkun qed jikkunsidra li jneħħi din it-taxxa. Bil-Prim Ministru aktar minn darba jirrifjuta milli jwieġeb b’sempliċi iva jew le….u minflok ta x’jifhem li dan il-Gvern diġà qed jagħmel biżżejjed.

Net News kompla jistaqsi lil Robert Abela dwar id-diskors li qalet mat-Times of Malta il-Kap Eżekuttiv tal Kamra tal-SMEs Abigail Agius Mamo, fejn sostniet li tinsab id-diżappuntata kif mexa magħhom fid-diskussjonijiet il-Prim Ministru – bil-Gvern ipoġġi lill-privat f’pożizzjoni skomda…u bis-settur tal-ikel jerfa’ l-piż kollu waħdu.

Dwar dan il-Prim Ministru għoġbu sempliċiment jattakka lill-Kamra tal-SMEs.

Intant, hekk kif il-poplu qed iħabbat wiċċu maż-żidiet fil-prezzijiet kaġun tal-għoli tal-ħajja li dejjem qed tgħolli rasha….fl-istess waqt Robert Abela għoġbu jerġa’ jiftaħ il-bibien tal-Grupp Parlamentari Laburista beraħ għal Rosianne Cutajar – id-Deputat Indipendenti li f’April 2023 irriżenjat mill-Grupp u mill-Partit Laburista.

Mistoqsi minn Net News jekk investigax min kienu dawk il-”kulħadd” li rreferiet għalihom Cutajar fic-chats ma’ Yorgen Fenech meta semmiet kemm qed jitħanżru nies – Abela sempliċiment stqarr li Cutajar ħalset ta’ għemila.

Fil-verità b’mod tanġibbli, Rosianne Cutajar ma ħalset xejn ta’ għemila….tant li l-ħlas ta’ konsulenza li għamlet mal-ITS…imħallas mit-taxxi tal-poplu u kkundannat mill-NAO bħala wieħed job fantażma…għadha ma rodditux lura.

Għaldaqstant il-Prim Ministru Robert Abela, wara 4 snin fit-tmexxija tal-Partit u tal-pajjiż…għadu mhux f’pożizzjoni li jagħti garanzija li ta’ madwaru mhux qed jitħanżru…bħal ma qalet l-istess Cutajar li tħanżret bħalhom…u li issa se jerġgħu jilqgħuha fosthom.

Dan kollu…waqt li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikomplu jħallsu l-miljuni ta’ ewro f’taxxa, waqt li l-Prim Minsitru jkompli jwebbes rasu u ma jismax l-appelli tal-assoċjazzjonijiet u l-unions biex verament flimkien nikkumbattu l-isfida tal-għoli tal-ħajja.