278.
Dan huwa l-ammont ta’ persuni li mill-1 ta’ Diċembru sal-aħħar tax-xahar li għadda, daħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minħabba li kienu taħt l-influwenza tal-alkoħol jew ta’ droga.
Ċifri uffiċjali preżentati mill-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela għal domanda tad-Deputat Parlamentari Nazzjonalsita Claudette Buttigieg tefgħu dawl fuq kemm persuni – ġurnata b’ġurnata – daħlu fl-emerġenza tal-isptar wara li abbużaw minn xi sustanza jew xorb.
Numri deskritti mill-professjonisti bħala allarmanti, bl-aktar ġurnata li ġew irreġistrati pazjenti rikoverati fl-emerġenza taħt l-influwenza ta’ xorb u jew droga…kienet il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru…b’xejn inqas minn 18-il persuna – segwit mill-Ħadd, 3 ta’ Diċembru – b’14 –il pazjent.
Tul dawn l-aħħar xhur u snin il-Partit Nazzjonalista flimkien ukoll ma’ diversi assoċjazzjonijiet, esperti u professjonisti appellaw lill-Gvern sabiex isib soluzzjoni għall-kriżi li xeħet is-settur tas-saħħa fiha – bis-sitwazzjoni tal-Isptar Mater Dei qed issir irreparabbli – deskritta mill-esperti fil-qasam bħala waħda fejn qed nippruvaw nillapazzaw tard wisq.
Inizjalment, Gvern Laburista kien ta l-Isptar San Luqa lill-privat sabiex iservi ta’ spalla lill-Isptar Mater Dei – minflok dan l-isptar spiċċa simbolu ta’ frodi u korruzzjoni – ta’ l-akbar serqa minn but il-poplu.
Minflok, il-pazjenti spiċċaw rikoverati fil-libererija tal-isptar, fil-canteen tal-ħaddiema, f’kurituri mingħajr twieqi u privatezza, b’waiting lists ma jispiċċaw qatt – u aktar sfidi kontinwi…mhux biss għall-persuni li qed jingħataw il-kura…iżda għal ħaddiema fis-settur li minkejja kollox jibqgħu jagħmlu l-għalmu tagħhom.
//= $special ?>