Lokali Mużika

‘Festa fil-Foresta’ – kunċert mill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija

L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa bi pjaċir ser tippreżenta Kunċert Mużikali bl-isem ‘Festa fil-Foresta’. Kif jixhed l-isem, il-Kunċert huwa mmirat għal pubbliku inġenerali iżda b’mod speċjali għat-tfal.

F’dan il-Kunċert, ser jiġu esegwiti żewġ siltiet mużikali b’arranġament miktub apposta għall-Banda u b’test miktub apposta bil-Malti u bbażat fuq dak oriġinali u maħdum ma’ studenti tas-sitt sena li jattendu l-Iskola Primarja ta’ Ħal Luqa.

L-ewwel silta li ser tkun esegwita hi ‘The Carnival of the Animals’ ta’ Camille Saint-Saëns. Dan ix-xogħol jikkonsisti f’erbatax-il moviment mużikali, kull moviment jirrappreżenta annimal differenti. It-tieni silta hi ‘Peter and the Wolf’ ta’ Sergei Prokofiev li ddur madwar ħrafa tradizzjonali Russa permezz tal-mużika.

Il-ħsieb wara dan il-kunċert hu li dawn iż-żewġ xogħlijiet mużikali jiġu ppreżentati b’mod innovativ lill-udjenza sabiex jitgħallmu mhux biss fuq il-mużika u l-istrumenti, iżda wkoll fuq l-ekoloġija u l-ambjent. Waqt il-kunċert, l-udjenza ser tkun tista ssegwi l-istorja marbuta maż-żewġ siltiet mużikali permezz ta’ narrazzjoni u animazzjoni fuq kull annimal u karattru li jinvolvu dawn is-siltiet.

Dan il-kunċert ser jittella nhar il-Ħadd, 4 ta’ Frar 2024 fl-10.30am, fit-Teatru Metanoia f’Ħal Luqa. Il-Banda Sant’ Andrija ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Michael Pulis filwaqt li d-direzzjoni artistika hija ta’ Alex Vella Gregory.

Flimkien maI-Banda, ser jiehdu sehem ukoll Stephen Mifsud bħala narratur kif ukoll Ryan u Maria Galea bħala animaturi.

Id-dħul għal dan il-kunċert huwa bla ħlas iżda l-pubbliku jista’ jirriserva post.

Iktar dettalji fuq dan il-kunċert jinsabu fuq il-paġna ta’ facebook tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – Luqa.