Mhix xi ħaġa surreali li Real Madrid ikunu qed jiġġieldu għall-unuri ma’ klabb Katalan, bid-differenza li dan l-istaġun it-tim mill-Grigal ta’ Spanja mhux Barcelona, l-isfidanti soliti ta’ Real Madrid, iżda Girona, ir-revelazzjoni tal-Kampjonat La Liga din is-sena.
Żgur li ħadd ma kien jobsor li f’nofs Jannar, fir-raba’ staġun tagħhom fl-ogħla diviżjoni Spanjola, Girona kienu se jkunu fl-ewwel post bi 52 punt, punt vantaġġ fuq Real Madrid b’dawn tal-aħħar iżda b’logħba nieqsa u 8 fuq Barcelona, li ukoll għandhom logħba inqas.
It-tim ta’ Girona kien iffurmat fl-1930 u fil-maġġor parti tal-istorja, dejjem lagħb fit-Tielet Diviżjoni sakemm fl-2008 rritornaw fit-Tieni Diviżjoni wara nuqqas ta’ 49 sena.
Fl-2017 huma kienu promossi għall-ogħla diviżjoni fejn qattgħu biss sentejn qabel ġew relegati.
Huma rritornaw fil-La Liga meta fl-istaġun 2021/22 rebħu play-off għal-promozzjoni kontra Tenerife.
L-istadium ta’ Girona, l-Estadi Montilivi jesa’ bis 14,000 ruħ bil-belt għandha popolazzjoni ta’ madwar 100,000.
Minkejja li għadhom ma rebħux il-kampjonat, u wieħed irid jara jekk iżommux il-konsistenza fir-riżultati, dan is-suċċess ta’ Girona qed ikun ikkumparat minn bosta ma’ dak ta’ Leicester City, li rebħu l-Premier League fl-istaġun 2015/16 wara biss żewġ staġuni li kienu promossi miċ-Championship.
Bla dubju li Girona għandhom il-potenzjal li jispiċċaw champions hekk kif dan l-istaġun diġa’ rebħu timijiet bħal Altetico Madrid u Barcelona, żewġ timijiet sfidanti għat-titlu. Kontra Real Madrid, Girona tilfu 3-0 f’darhom f’Settembru li għadda biex issa jilagħbu kontrihom fil-Barnabèu fl-10 ta’ Frar li ġej.
Statistikament, fl-istorja ta’ La Liga, kull tim li sa dan l-istadju kellu l-ammont ta’ punti li għandhom Girona, kollha ikkwalifikaw biex jilagħbu fil-UEFA Champions League u anke jekk ma jirbħux il-kampjonat u jilħqu dan it-tragward, xorta waħda Girona jkunu kitbu l-istorja.
Vantaġġ li għandhom Girona fuq it-timijiet l-oħra sfidanti huwa li jistgħu jiffokaw biss fuq il-partiti tal-kampjonat hekk kif huma mhux qed jikkompetu f’kompetizzjoni Ewropea, bil-fażi finali tal-UEFA Champions League li tibda fi Frar fejn kemm Real madrid kif ukoll Barcelona se jkunu fl-azzjoni fil-fażi tal-aħħar 16.
Fl-2017, City Football Group (CFG), li huma s-sidien ta’ Manchester City, xtraw il-maġġor parti tas-sehem fil-klab biex Girona sar it-13-il klabb li din il-kumpanija għandha sehem minnu.
Madankollu, minkejja s-saħħa finanzjarja li tipposedi din il-kumpanija, il-klabb baqa’ kawt fl-akkwisti li għamel u żamm budget baxx iżda xorta akkwista plejers tajbin permezz ta’ sistema professjonali ta’ scouting.
L-uniku plejer miklsub b’self mingħand Manchester City, li naturalment hija waħda mill-parent club ta’ Girona, huwa d-difensur laterali Brażiljan ta’ 21 sena Yan Couto, li qed ikun wieħed mill-aqwa elementi f’dan it-tim. Fid-difiża, l-esperjenza ta’ plejer bħal Daley Blind, eks Ajax, Manchester United u Bayern Munichżgur li hi ta’ stimolu għal żagħżagħ bħal Couto u d-difensur laterali l-ieħor Miguwel Guiterrez
Plejer ieħor li qed ikun importanti għall-iskwadra mmexxija mill-kowċ Miguel Ángel Sánchez Muñoz, huwa l-attakkant prolifiku mill-Ukrajna Artem Dovbyk li s’issa skorja 14-il gowl f’21 preżenza fil-kampjonat. Dovbyk kien akkwistat fis-sajf li għadda mingħand SC Dnipro-1.
Imsomma wieħed jittama li dan it-tim sorpriża tal-istaġun jibqa’ fil-forma li jinsab fiha bħalissa u għaliex le? jirbaħ il-La Liga għall-ewwel darba fl-istorja.
Nistennew u naraw !!!
//= $special ?>