Lokali Saħħa

“Il-Gvern ħalla s-settur tas-saħħa f’diżastru sħiħ”

Stennija ta’ sitt xhur biex jagħmluli strument. Anzjani fuq stretchers fl-isptar. Stennija kbira fil-polyclinics. Mediċina out-of-stock. Asmatiċi li issa qed jingħataw inhalers inferjuri.

Dawn huma biss uħud mill-kummenti li bagħtu n-nies waqt il-programm NETLIVE, meta fl-aħħar jiem kien għaddej eżerċizju li fih it-telespettaturi qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar ir-realtajiet fl-isptar u l-polikliniċi. Bil-maġġoranza tan-nies jgħidu li l-Gvern “ħalla s-settur tas-saħħa f’diżastru sħiħ”.

Persuna partikolari irrakkontatilna l-esperjenza ta’ anzjan ta’ 90 sena, li daħal l-emerġenza l-Isptar Mater Dei b’ambulanza l-Ħadd li għadda fis-7pm. Iżda sat-Tnejn filgħodu, kienu għadhom ma sabulux kamra – tant li kellu jistenna sas-1pm.

Raġel ieħor kellimna dwar l-inhalers li qed jingħataw l-asmatiċi. Dan meta issa, minflok il-Foradil u l-Pulmicort, mill-POYC qed jieħdu inhalers kunsidrati bħala inferjuri. Tant li issa spiċċa jixtrihom mingħand l-ispiżjar; spiża ta’ madwar €60 fix-xahar.

Hemm ukoll problemi enormi relatati mal-mediċina li tintuża għall-kura tal-kolestorol. Dan meta minflok is-Sorvasta, qed jingħataw ir-Rosuvastatina. Bin-nies jgħidulna li l-kaxxa ta’ dawn il-pilloli lanqas biss għandhom struzzjonijiet bl-Ingliż – iżda bir-Rumen.