Lokali Parlament

Jeħtieġ l-għodod neċesssarji għal passi iebsa quddiem il-korruzzjoni fl-isport


Adrian Delia, PN


Id-deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Adrian Delia sostna li jeħtieġ li jsiru l-għodod neċesssarji għal passi iebsa quddiem il-korruzzjoni fl-isport.


Fil-parlament Adrian Delia qal li l-PN hu impenjat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport iżda l-ewwel irid ikun rikonoxxut kemm hi kbira l-problema.


Bħala fatt, ftit snin ilu, fil-football kibret sew il-pjaga tal-korruzzjoni u tas-suq l-iswed f’Malta fejn fi staġun wieħed din ammontat għal €50 miljun milgħuba b’mod illegali fuq il-kampjonati Maltin kollha fid-diviżjonijiet kollha. Dan għaliex, il-betting qed jolqot il-kampjonati kollha Maltin fid-diviżjonijiet kollha.


Hu qal li fl-aħħar snin ma tressaq ħadd minkejja li l-problema hi kbira ħafna u qed tifni l-isport. Għalhekk irid isir ħafna iktar jekk il-pajjiż irid jibda jagħmel xi tip ta’ impatt kontra l-korruzzjoni fl-isport.


Sa 20 sena ilu, l-korruzzjoni fl-isport kellha forma differenti u kienet issir meta kien ikun hemm tim li jrid jirbaħ logħba mhux bis-sewwa u kien jagħmel dan billi jixtri dik il-logħba. Maż-żmien tfaċċaw il-kumpaniji tal-betting, daħal il-betting illegali u kollox inbidel.


Adrian Delia qal li d-dimensjoni tal-problema issa hi totalment differenti għaliex hemm intervent ta’ terz fil-logħba lokali. Dan iwassal għal ammonti ħafna iktar ta’ flejjes għaliex hemm l-intervent ta’ organizzazzjonijiet kriminali li jirċievu l-flus skont kif jiddeterminaw ir-riżultati huma.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li fost il-problemi hemm il-vulnerabbiltà tal-players, players li ma jitħallsux, nuqqas ta’ għarfien mill-players u l-omertà. Adrian Delia qal li qatt ma sar attrezzament neċessarju biex il-pulizija tkun tista’ tikkumbatti l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.