Lokali

Jissokta l-appell biex il-Gvern ma jibqax jintaxxa l-għajnuna tal-COLA

Li kieku l-Gvern tal-Labour neħħa t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA kienet tkun aktar effettiva biex niġġieldu l-għoli tal-ħajja milli ġiegħel lill-importaturi u lis-supermarkets inaqsu l-prezzijiet ta’ uħud mill-prodotti tagħhom.

Hekk reġgħet insistiet l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, din id-darba mal-ġurnal Times of Malta, hekk kif spjegat li t-tneħħija tat-taxxa minn fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja kien ikollha effett immedjat u dirett.

Dan l-appell mhux biss huwa tal-MEA, iżda għal dawn l-aħħar xhur kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll diversi unions appellaw lil Robert Abela sabiex ma jibqax jintaxxa l-għajnuna għall-għoli tal-ħajja.

L-MEA fl-aħħar jiem ikkalkulat li l-Gvern qed jieħu mal-€40 miljun f’taxxa mill-istess għajnuna tal-COLA – flus illi suppost, jibqgħu fil-bwiet tal-ħaddiema. Dan hekk kif minn €12.81 għajnuna fil-ġimgħa….maħduma fuq l-għoli tal-ħajja tas-sena preċedenti, sforz mekkaniżmu mwaqqaf minn Gvern Nazzjonalista – il-Gvern qed jieħu xejn inqas minn €3.50. Li fi kliem semplici, huma flus li qed jittieħdu mill-għajnuna li qed jagħti kull employer lill-ħaddiema – tant li kull ġimgħa qed joħdilhom ftit inqas minn 29% mill-COLA.

Din il-prassi kemm-il darba ġiet deskritta bħala waħda li bla ebda dubju mhux ġusta kemm mal-ħaddiema kif ukoll minn min iħaddimhom – u l-employers insistew li dan imur kompletament kontra l-ispirtu u l-ħsieb wara l-għajnuna tal-COLA.

Intant, mat-Times, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Agius Mamo insistiet li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni li l-Gvern ġiegħel lill-importaturi u tal-ħwienet biex huma nfushom jerfgħu l-piż tal-inflazzjoni fuq spallejhom.

Hija saħqet li tinsab diżappuntata kif id-diskussjonijiet ġew immexxija….u l-pożizzjoni diffiċli li l-operaturi privati tqiegħdu fiha.

Agius Mamo saħqet li s-settur tal-ikel mhux l-unika wieħed li kien milqut miż-żieda fil-prezzijiet u għaldaqstant sostniet li l-fatt li dan is-settur kellu jerfa’ tali responsabbiltà hija inġustizzja.

Dan filwaqt li appellat lill-Gvern sabiex joħroġ bi pjanijiet fit-tul ħalli jipproteġi lil Malta u l-ekonomija tal-pajjiż.