Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Differenza ta’ basket biżżejjed għas-sitt rebħa ta’ Athleta fil-kampjonat

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites JSD…..85

Sigma Depiro..82

(24-27)(30-17)(14-31)(17-7)

Ic-champions Starlites JSD għelbu lil Sigma Depiro 85-82 fl-ewwel partita tal-ġurnata f’dik li rriżultat bħala partita kumbattuta u nċerta sat-tmiem fejn ir-riżultat seta’ mar kull naħa. Fil-fatt, għal seba’ darbiet kien hemm parita bejn iż-żewġ timijiet u l-vantaġġ inbidel 10 darbiet. Starlites kienu fil-vantaġġ għal ftit aktar minn 19 -il minuta u Depiro għal 18. Il-fast break jibqa’ arma miċidjali għat-team ta’ Pawlu Ferrante hekk kif Starlites kellhom 34 punt minn fast breaks. Iż-żewġ timijiet kelhom wiċċ ġdid fl-iskwadra hekk kif Starlites żiedu l-Malti Awstraljan Jacob Bourke Doggett u Depiro rreġistraw it-tielet Amerikan Alfred Hollins. Kienu Depiro li kellhom l-aħjar bidu meta ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 17-5 fosthom trippla ta’ Nenad Bukva u punti minn Cameron Cornelius u Andrew Aquilina fost l-oħrajn. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet bi break ta’ 13-0 bi trippli ta’ Matthew Attard u l-punti ta’ Kurt James biex qalbu l-iskor favurhom 18-17. Wara 4punti minn Depiro, Starlites wieġbu bil-punti ta’ Davonte Craven u Doggett però kienu Depiro li għalqu t-taqsima b’żewġ baskets minn Kameron Rooks għal skor ta’ 24-27. Starlites kellhom l-aħjar bidu tat-tieni sessjoni bi break ieħor ta’ 15-1 bi trippla ta’ Alec Felice Pace. Depiro ppruvaw jirkupraw b’run qasira ta’ 8-2 b’żewġ baskets ta’ Hollins però Starlites kellhom aktar trippli minn James u Miguel Fabri biex daħlu jistrieħu 10 minn fuq 54-44.

Wara l-intervall, kienu Depiro li ħarġu l-aħjar fejn għamlu 10 punti mingħajr risposta bi trippli minn Aquilina u Miguel Mallia. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin qabel ma Depiro reġgħu għamlu run ta’ 15-3 b’aktar trippli minn Aquilina biex temmew is-sessjoni 75-68 minn fuq. Fl-aħħar perjodu però Starlites iddefendew ħafna aħjar tant li ħallew lil Depiro fuq skor baxx ta’ seba’ punti. Bejniethom ic-champions għaqqdu run ta’ 15-2 b’żewġ trippli minn Ian Felice Pace biex ħadu vantaġġ ta’ 4 punti 83-79. Trippla ta’ Cornelius ħalliet lil Depiro biċ-ċans li jsalvaw ir-riżultat però basket ta’ Christian Hinckson għalaq il-partita favur Starlites fuq skor finali ta’ 85-82.

Starlites JSD: A. Felice Pace 19, C. Hinkson 6, M. Attard 14, S. Aquilina, I. Felice Pace 12, M. Fabri 3, K. Fabri, D. Craven 7, L. Farrugia, J. Bourke Doggett 4, N. Sultana, K. James 20.

SIGMA Depiro:,S. Galea 4, L. Trapani, N. Bozovic 1, A. Aquilina 11, N. Grech, A. Hollins 15, A. Micallef, K. Rooks 22, M. Mallia 7, C. Cornelius 11, N. Bukva 9, M. Debattista 2.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Nestor Rincon

Athleta…..69

Luxol……..67

(20-14)(15-15)(19-18)(15-20)

Bħall-partita ta qabilha, dan il-konfront bejn il-ġirien Athleta u Luxol wkoll irriżulta f’wieħed kumbattut fejn finalment kien hemm biss basket li fired liż-żewġ timijiet. Luxol ħassew in-nuqqas ta’ punti minn players bħal Gael Hulsen u Nathan Xuereb u straħu fuq l-40 punt tal-Amerikan Tariq Woody. Fl-ewwel ħinijiet tal-partita ż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin qabel ma Athleta għamlu break ta’ 12-2 bi trippla ta’ Piotr Stelmach u fetħu vantaġġ ta’ 6 punti li żammew sa’ tmiem l-ewwel taqsima 20-14. It-tieni taqsima wkoll fetħet b’punti fuq iż-żewġ naħat biex Athleta żammew vantaġġ ta’ 5 punti 25-20. Hawn Luxol għamlu seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Nikola Jovanovic biex marru fuq quddiem 27-25. It-tweġiba tal-Athleta kienet immedjata bi break ta’ 10-0 bi trippli ta’ Matthew Gouder u Malik Riddle biex daħlu jistrieħu 35-29 minn fuq.

Wara l-intervall Luxol irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 41-41 bil-punti ta’ Woody flimkien ma Marco Matijevic u Hulsen. Athleta kellhom il-punti minn Riddle biex reġgħu ħadu l-vantaġġ però Luxol baqgħu viċin hell kif Woody kompla jikseb il-punti. It-taqsima ntemmet bi three pointer fuq kull naħa minn Woody u Riddle għal skor ta’ 54-47. Luxol għamlu sforz ieħor fl-aħħar sessjoni hekk kif bdew bi break ta’ 12-2 bi trippli minn Jovanovic u Woody flimkien ma’ Isaac Azzopardi biex marru minn fuq 59-56. Trippla fuq kull naħa minn Stelmach u Woody ħallew lil Luxol minn fuq però hawn Athleta għamlu run ta’ 10-2 bil-punti ta’ DaJuan Moorer u Stelmach biex rebħu l-partita 69-64.

Athleta: M. Riddle 29, F. Mifsud Bonnici 5, N. Buhagiar, L. Stefanovic, D. Moorer 15, M. Gouder 5, R. Abela, P. Stelmach 16, T. Chatzimoysis, J. Cefai.

Luxol: S. Pace, I. Azzopardi 2, N. Jovanovic 9, A. Azzopardi, JP Schembri 5, N. Xuereb, G. Hulsen 6, T. Woody 40, M. Matijevic 6, S. Cappello.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi

Valletta Fighters…………………..68

Mellieħa Libertas Spalding….86

(19-9)(13-25)(15-25)(21-27)

Il-leaders tal-klassifika, Mellieħa Libertas Spalding irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Valletta Fighters 86-68. Minkejja d-distakk finali ta’ 18 -il punt, il-partita ma kienetx xi waħda faċli għal Mellieħa minkejja li Valletta kienu mingħajr l-Amerikan Desean Mattox li kien biss spettatur fuq il-bank. Wara bidu bilanċjat li ra parita ta’ 6-6 bejn iż-żewġ timijiet, Valletta għamlu run ta’ 13-0 li bdewha b’basket ta’ Nelson Da Silva fid-debutt tiegħhu u komplew bil-punti ta’ Keith Charleston u trippla ta’ Andy Attard. Charleston kellhu partita mill-aqwa bi tripple double fejn kellhu 17 -il rebound, 10 assists u 23 punt. Mellieħa għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Robert Bonnici però Valletta kienu 19-9 minn fuq. Il-vantaġġ ta’ Valletta baqa’ ta 10 punti sa’ nofs it-tieni taqsima 25-15 wara punti minn Neil Cassar u Charleston. Hawn però Mellieħa għamlu run ta’ 12-1 bil-punti ta’ Tederick Wolfe u Kwame Thompson biex ħadu l-vantaġġ għall-ewwel darba. Valletta wieġbu bi trippli ta’ Davide Bellinzona u Ferdinand Lisondra però basket ta’ Thompson u trippla ta’ Isaac Bonett taw vantaġġ ta basket lil Mellieħa 34-32.

It-tielet taqsima fetħet bil-punti ta’ Vukassin Jandric u Bonett għal Mellieħa però Valletta ma ċedewx u ħames punti minn Cassar u Charleston wassluhom sa’ punt ‘l bogħod 37-38. Hawn però Mellieħa wrew is-superjorita tagħhom b’żewġ runs ta’ 7-0 u 12-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 12 -il punt fi tmiem il-perjodu 59-47. Valletta reġgħu bdew tajjeb fl-aħħar taqsima bi 8 punti mingħajr risposta però Mellieħa malajr irkupraw bi break ieħor ta’ 14-4 fosthom trippli minn Thompson, Bonett u David Bugeja biex fetħu vantaġġ ta’ 17 -il punt 78-61. Dan kien biżżejjed għat-team ta’ Ian Terribile biex jikkontrollaw l-aħħar minuti tal-partita u joħorġu rebbieħa 86-68.

Valletta Fighters: K. Charleston 23, D. Bellinzona 11, N. Da Silva 4, S. Saakian, J. Wait 4, D. Mattox, A. Attard 3, M. Farrugia, F. Lisondra 3, N. Cassar 20.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 22, D. Bugeja 9, R. Bonnici 7, V. Jandric 17, I. Bonett 10, R. Carabott, K. Thompson 21, E. Valdespina, C. Mercurio.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.