Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Is-seba’ rebħa ta’ Starlites JSD minn seba’ partiti

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol…….49

Starlites JSD………………59

(12-8)(10-16)(14-19)(12-16)

Ic-champions Starlites JSD baqgħu mingħajr telfa fil-kampjonat wara seba’ partita warali għelbu l-isfida ta’ Caffè Moak Luxol biex ħadu wkoll it-tielet rebħa tal-istaġun fuq l-istess avversarji. Luxol kellhom bidla waħda fejn Michelle Camilleri ħadet post Hayley Galea. Fil-preżenza tal-coach nazzjonali ġdid Charles Bonnici, il-partita damet ma ddekolat u prattikament ġiet deċiża bi break ta’ Starlites fit-tielet sessjoni. Fil-fatt, sal-ħames minuta kienu sarru biss basket fuq kull naħa minn Sarah Fenech Pace u Paige Cannon. Il-punti komplew ġejjin bil-mod minkejja trippla ta’ Anna Fenech Pace għal Luxol bi Starlites iwieġbu bil-punti ta’ Mikela Riolo u Michela Zammit Cordina għal skor ta’ 12-8. Fit-tieni sessjoni Starlites ħadu l-vantaġġ wara basket minn Cannon u trippla ta’ Riolo. Luxol wieġbu pernezz ta’ Cannon u baskets minn Lisa u Sarah Fenech Pace. Hawn Starlites kellhom trippla minn Zammit Cordina flimkien mal-baskets ta’ Christina Curmi biex daħlu jistrieħu basket minn fuq 24-22.

It-tielet taqsima fetħet bi trippla oħra ta’ Riolo għal Starlites però S. Fenech Pace wieġbet għal Luxol. Hawn wasal mument importanti fil-partita fejn Starlites kellhom disa’ punti mingħajr risposta fosthom bi trippla ta’ Steffi De Martino. Ir-risposta ta’ Luxol primarjament ġiet minn Vanya Baldacchino b’żewġ baskets u trippla però Starlites ukoll kellhom tweġiba minn Curmi u Cannon biex temmew is-sessjoni 43-36 minn fuq. Luxol bdew tajjeb fl-aħħar sessjoni u naqqsu d-distakk għal tlett punti però hawn Starlites reġgħu għamlu seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Riolo u reġgħhu ħadu vantaġġ b’figuri doppji 50-40. Minkejja li Luxol komplew jitħabtu, kull darba li sabu l-basket sabu wkoll ir-risposta tac-champions li b’hekk ħarġu rebbieħa 59-48.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 12, L. Fenech Pace 6, N. Vella, M. Camilleri, S. Fenech Pace 12, J. Diaby, J. Said, V. Baldacchino 7, S. Sciberras, S. Farrugia, M. Marmara, A. Fenech Pace 11.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 12, M. Riolo 13, A. Saliba 2, M. Bonett 6, S. De Martino 5, P. Cannon 11, C. Cilia, M. Sciberras, C. Curmi 10.

Referees: Bernard Vassallo, Daniel Farrugia

Depiro………55

Hibernians..46

(20-13)(15-19)(6-8)(14-16)

Depiro kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fil-kampjonat wara li għelbu lil Hibernians 55-46 li kienet ukoll it-tielet rebħa kontra l-istess avversarji wara r-rebħ fis-shield u fl-ewwel round tal-kampjonat. Il-partita kellha mumenti nteressanti speċjalment fl-aħħar taqsima fejn il-Hibs naqqsu d-distakk u tħabtu biex isalvaw il-partita. Kienu Hibs li għamlu l-ewwel żewġ baskets tal-partita minn Julija Dabic. Depiro fetħu l-punti tagħhom bi trippla ta’ Julia Xerri u komplew sejrin fi break ta’ 9-0 qabel ma Hibs reġgħu wieġbu bil-punti ta’ Lyndsey Whilby. Id-dħul ta’ Julia Borg saħħaħ l-attakk ta’ Depiro hekk kif fetħet b’żewġ trippli konsekuttivi f’run oħra ta’ 11-2 minn Depiro biex trippla ta’ Jasmine Abela għalqet is-sessjoni fuq skor ta’ 20-13. Fit-tieni taqsima Depiro kabbru l-vantaġġ għal 13 -il punt wara punti minn Claire Ciantar, Kristy Galea u Jose Ann Johnson. Hibs waqqfuhom bi trippla ta’ Iona Agius però Depiro wkoll kellhom żewġ trippli minn Borg u Galea u daħlu jistrieħu 36-22 minn fuq.

It-tielet taqsima ftit li xejn offriet emozzjonijiet hekk kif saru biss 14 -il punt. Iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin u kienet trippla ta’ Abela li għamlet id-differenza. L-aħħar sessjoni rat lil Hibs jagħmlu 8 punti mingħajr riposta u dawn wassluhom sa’ ħames punti ‘l bogħod 40-45. Depiro rkupraw bill-punti ta’ Johnson hekk kif approfittaw minn xi żbalji tal-Pawlisti biex ħarġu rebbieħa 55-46.

Depiro: S. Abela 7, Ni. Agius 4, J. Xerri 4, J. Mallia, L. Sciberras, No. Agius, C. Ciantar 3, J. Borg 15, J. Johnson 12, M. Micallef, K. Galea 10, L. Camilleri.

Hibernians: M. Buhagiar 4, E. Farrugia, F.Fabok 2, I. Agius 8, L. Whilby 15, J. Abela 8, B. Agius, K. Calleja 1, M. Vella, K. Caruana 2, A. Mallia, J. Dabic 6.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nelson Da Silva