Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Haley l-unika sfida għal Trump fil-Primary ta’ New Hampshire

Il-votanti ta’ New Hamphire illum se jkunu qed jivvutaw fil-Primary tal-partit Repubblikan; u l-għażla hi bejn l-eks President Donald Trump u l-eks Gvernatur ta’ South Carolina Nikki Haley.

It-tellieqa għall-White House issa daħlet f’fazi ġdida hekk kif l-istati bdew jivvutaw għall-kanditat preferut tagħhom. Iżda jidher li Donald Trump għad għandu sapport b’saħħtu fost ir-Republikani.

Wara r-rebħa f’Iowa, Trump qed jimmira biex għal darb’oħra jistabblilixxi ruħu bħala n-nominat tal-Partit Repubblikan, hekk kif s’issa kien hemm 14-il kandidat li irtira n-nomina tiegħu – bl-aħħar wieħed ikun il-Gvernatur ta’ Florida Ron DeSantis.

Nikki Haley issa hija l-unika kandidata presidenzjali li għadha f’tellieqa ma’ Trump. Hi qed tittama biex ammont ta’ votanti indipendenti joħorġu jivvutaw għaliha sabiex f’Novembru li ġej l-għażla presidenzjali ma terġax tkun bejn Donald Trump u l-President attwali Joe Biden, illi jidher li ser ikun hu n-nomitat għall-partit tiegħu. Haley qed tipprova tikkonvinċi lill-votanti li Donald Trump huwa l-kandidat tal-passat u li hemm bżonn li l-Parit Repubblikan jimxi ‘l quddiem. Dan filwaqt li Trump, li qiegħed fuq quddiem fil-polls, għadu jsostni li hu l-unika tama li fadallu l-poplu Amerikan.