L-Awtorità tal-Ippjanar kienet żvijata totalment. Hekk sostnew Din l-Art Ħelwa Għawdex, Wirt Għawdex u Għawdix – tlett NGOs Għawdxin hekk kif applikaw lill-Bord tal-Ippjanar sabiex tirrevoka l-permess sabiex tinbena blokka appartamenti inqas minn 200 metru bogħod mit-tempji megalitċi tal-Ġgantija.
Huma saħqu li l-Awtorità tal-Ippjanar ġiet żvijata għal kollox dwar jekk is-sit jaqax taħt il-buffer zone tal-UNESCO jew le.
Xahrejn ilu l-Awtorità tal-Ippjanar approvat blokka ta’ 22 appartament…u 20 garaxx taħt l-art fix-Xagħra minkejja li l-UNESCO talbet heritage impact assessment. B’din it-tali deċiżjoni tfisser li dan l-impact assesment ma kienx hemm bżonnu.
Issa, f’ittra bl-avukat mibgħuta minn dawn it-tlett NGOs qed jingħad li hemm evidenza ċara li l-iżvilupp propost taqa’ fil-buffer zone.
Lura f’Diċembru, minkejja l-appelli tal-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex…u bosta akkademiċi oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela mhux talli ma ħariġx għonqu għall-konservazzjoni tal-wirt storiku dinji….talli saħansitra kien qal li kien fiduċjuż li l-impact assessment ma kien se jsib ebda effett fuq it-tempji.
Dan ifisser li Robert Abela kien fiduċjuz li l-blokka ta’ appartamenti xorta waħda kienet se tinbena…u li ma kien qiegħed jara xejn ħażin li dan iseħħ.
Minn dakinhar ‘l hawn 6 periti spiċċaw taħt investigazzjoni mir-regolatur tal-periti fuq proġetti li kellhom x’jaqsmu huma fiż-żona tat-tempji.