Għaddew ħdax-il sena u l-villaġġ għad-dilettanti tal-Karnival li kien wiegħed il-Labour għadu biss ħolma. Dan wara li tħalla fuq l-ixkaffa.
Bosta dilettanti tal-Karnival ilhom għal dawn l-aħħar snin juru t-tħassib tagħhom dwar post alternattiv fejn ikollhom l-imħażen tagħhom – bil-għan li jsaħħu dan id-delizzju li jferraħ tant nies.
It-Tnejn filgħodu meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti l-Ministru Owen Bonnici ammetta li l-applikazzjoni għall-fondi għadha ma saritx.
U allura dan ifisser li f’sena, il-Ministru Owen Bonnici tefa’ l-villaġġ tal-Karnival fil-ġenb – għaliex baqa’ ma sar xejn fl-aħħar 12-il xahar. Dan hekk kif fid-19 ta’ Jannar tas-sena li għaddiet, il-Ministru Owen Bonnici innifsu kien qalilna li din l-applikazzjoni għall-Villaġġ tal-Karnival għadha ma saritx.
Meta kien mistoqsi kemm baqalu dan il-villaġġ sabiex isir realtà Owen Bonnici qal li baqa’ tal-anqas ħames snin oħra. U għalhekk jidher li se jkunu għaddew kważi 16-il sena mill-wegħda elettorali tal-Labour meta dan il-villaġġ – suppost – isir realtà.
//= $special ?>