Bħalissa f’pajjiżna għandna total ta’ 180 student li għadhom qed jistennew sabiex jingħataw LSE.
Dan ħareġ minn Mistoqsija Parlamentari li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima mix-Shadow Minister għad-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ.
Meta kien qed iwieġeb għal din il-mistoqsija parlamentari Clifton Grima qal li l-iktar applikazzjoni pendenti illi hija antika tmur lura għal Ottubru tas-sena 2022… Dan ifisser stennija ta’ 15-il xahar sabiex student ikollu l-għajnuna li għandu bżonn matul il-lezzjonijiet fl-iskejjel, kemm Primarji kif ukoll Sekondarji.
Dan kollu juri li issa anke fis-settur tal-edukazzjoni hemm waiting lists sabiex l-istudenti jingħataw dak li huwa tagħhom bi dritt. U quddiem is-sitwazzjoni jidher li l-Gvern ftit li xejn qed jieħu azzjoni… bin-numri ta’ persuni jistennew LSE qiegħed dejjem jikber.
Huwa fatt magħruf illi dan il-qasam qed ibati sabiex isib ħaddiema li jridu jkomplu jew saħansitra jibdew professjoni fis-settur tal-edukazzjoni. Dan minħabba li l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhumiex kif wieħed jistenna; bil-pagi ma jirriflettux il-ħidma tal-edukaturi.
Filfatt bħalissa għadhom għaddejjin it-taħdidiet bejn il-Union tal-Għalliema u l-Gvern dwar il-ftehim kollettiv tal-edukaturi. Dan hekk kif għad ma kienx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat sabiex jiġġedded dan il-ftehim kollettiv.
Apparti dan, fl-MCAST għadhom għaddejjin l-azzjonijiet industrijali min-naħa tal-edukaturi, għax anke f’dan il-każ, il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh biex jintlaħaq qbil dwar il-pakkett finanzjarju tal-edukaturi. Konsegwenza ta’ dan qed jispiċċaw ibatu wkoll l-istudenti fejn sal-lum għadhom mhux qed jingħataw il-marki tal-assignments u tal-eżamijiet.
>Segwi NET NEWS fuq Instagram, Facebook, u Threads.
//= $special ?>