Illum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa ma’ Cherise Spiteri, ir-rebbieħa ta’ Miss Malta 2024.
Matul din il-laqgħa, Bernard Grech awguralha kull suċċess għall-karriera tagħha filwaqt li faħħar id-determinazzjoni u l-perseveranza li għandha. Ma naqasx li huwa rringrazzja wkoll lill-organizzaturi ta’ Miss Malta għall-ħidma tagħhom anke bara minn xtuttna fejn proprju jinġabru fondi għal dawk l-aktar fil-bżonn.
Min-naħa tagħha Cherise qalet li din ir-rebħa, ma servitx biss bħala ċelebrazzjoni personali għaliha, iżda wkoll se sservi ta’ ispirazzjoni għal nisa żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Cherise Spiteri għandha wieħed u għoxrin sena u għandha passjoni kbira għall-mużika, il-kant u ż-żfin, fejn proprju ilha tifforma parti mill-Big Friends Guggen Music Band għal dawn l-aħħar 15-il sena. Band li twaqqfet proprju minn missierha.
Hija rrappreżentat lil Malta permezz tal-Guggen Music f’Dubai, l-Italja, it-Tunezija u l-Ġermanja. Dan filwaqt li meta kienet iżgħar rebħet il-Present Award for creativity.
//= $special ?>