Il-Ħamis kompliet tinstema’ fil-Qorti l-Kawża Kostituzzjonali li qed issir mill-Partit Nazzjonalista kontra x-xandir nazzjonali u l-Awtorita tax-Xandir fid-dawl tan-nuqqas minn naħa tal-PBS li jwassal lill-pubbliku l-informazzjoni sħiħa.
Ix-xandir nazzjonali kien naqas milli juri fost l-oħrajn filmati tal-kommossjoni li seħħet ġewwa u fuq barra tal-Parlament wara l-vot rigward l-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li tilef ħajtu meta waqgħet binja fuqu f’Diċembru li għadda; vot fuq mozzjoni li kien ressaq il-PN.
F’kummenti lil Net News, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino qal li fil-Qorti kompla joħroġ iktar b’mod ċar l-abbuż u l-iżbilanċ fil-konfront tal-Parit Nazzjonalista u tal-poplu Malti u Għawdxi min-naħa tal-PBS.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex il-poplu jkun jaf il-verità kollha.
Il-kawża ġiet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino u l-avukati, Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech.
//= $special ?>