Matul is-sena li għaddiet ‘il fuq minn 900,000 turist għaddew mill-Port il-Kbir waqt li kienu fuq cruise – ċifri simili għal dawk li konna naraw qabel il-perjodu tal-pandemija.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu, fejn matulha intqal li dan in-numru ta’ passiġġieri jfisser li kien hemm żieda ta’ 65% meta kkumparat mas-sena 2022.
Intqal ukoll li 23% tal-passiġġieri kienu minn ‘home ports’ u allura dan ifisser li l-cruise beda u spiċċa f’pajjiżna. Bil-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb jgħid li issa trid tkompli l-ħidma sabiex jattiraw aktar vapuri li joperaw minn Malta.
Huwa spjega li l-pożizzjoni ċentrali ta’ Malta fil-Mediterran tfisser li Malta tospita numru ta’ bastimenti li jkunu fuq itinerarji li jilħqu z-zoni kollha tal-Mediterran, frekwentament anke fuq itinerarji twal li jilħqu reġjuni li jkomplu jsaħħu r-reputazzjoni tagħna bħala port ewlieni għal cruiseliners.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb qalilna li l-maġġoranza tal-passiġġieri li jiġu f’pajjiżna bi cruiseliner jżuru numru ta’ lokalitajiet f’pajjiżna. Iżda numru sostanzjali ta’ passiġġieri jaslu sal-Belt Valletta.
//= $special ?>