Lokali Parlament

Il-gvern ġab lil kulħadd jitkellem waħdu fil-kirjiet tal-propjetà


Ivan Bartolo, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo qal li fis-settur tal-kirjiet tal-propjetà, il-gvern mhux solva l-problemi li kien hemm iżda ġab lil kulħadd jitkellem waħdu.


Fil-parlament Ivan Bartolo qal li l-gvern qed juri li qed isum biex iwettaq il-miżuri neċessarji. Hu sostna li dan l-abbozz se joqtol lill-inkwilini li jinsabu fid-djar għall-anzjani jew fi sptarijiet u kompla li hemm ħafna każi l-qorti fejn inkwilini jridu l-postijiet lura. Hu appella biex l-anzjani ma jispiċċawx vittmi.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-prezzijiet tal-kera żdiedu b’mod qawwi tant li ġabu faqar fost dawk li jikru. Il-kera żdiedet b’5.5% fl-ewwel nofs tas-sena 2023 fejn f’San Pawl il-Baħar kienu reġistrati l-aktar ammont ta’ appartamenti għall-kiri.


Il-kirjiet medji kienu bejn €700 u €800 fix-xahar fl-ewwel nofs tal-2023. Dan kien kaġun taż-żieda fil-popolazzjoni. Il-gvern ġab lil kulħadd jitkellem waħdu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li s-sidien tal-appartamenti qed ipoġġu numru kbir ta’ sodod fl-istess appartamenti b’kundizzjonijiet ħżiena ta’ għajxien għal dawn in-nies.


Irid ikun assigurat li ma jkunx hawn iktar nies bla djar fil-pajjiż, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-kirjiet kif inhuma llum qed ikabbru l-faqar fil-pajjiż. Dan mhux biss fost il-barranin iżda anki fost il-Maltin.
Illum anki s-sodod fl-istess appartamenti qed ikunu wżati minn iktar minn persuni differenti, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li min għandu dħul ta’ €800 fix-xahar ma jistax ilaħħaq mal-ħajja.

Sfida oħra li għandu l-pajjiż hi dik dwar tfal bla fejn fl-2020/22 kien hemm 517-il każ ta’ tfal bla dar; kif kien stipulat mill-YMCA. Fl-2012 l-YMCA stabbiliet li ma kien l-ebda każ ta’ tfal li jmorru jitolbu għal saqaf fuq rashom.


Hu semma’ r-rapport dwar il-kwalità tal-ħajja kkummissjonat mill-GWU fejn jirriżulta li persuna waħda trid €14,800 biex tgħix ħajja diċenti. Dan l-istudju jgħid li koppja b’żewġ ulied trid iktar minn €30,000 għal ħajja diċenti. Biex dan ikun possibbli l-koppja jridu jaħdmu t-tnejn u xorta ma jaslu għal dan il-livell ta’ dħul. Dan qed iwassal biex iktar persuni jkollhom jagħmlu impjieg part-time.


Din is-sitwazzjoni qed tnaqqar l-għeruq tal-familja Maltija, sostna Ivan Bartolo, li kompla li l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali ppubblikat rapport li tefa’ dawl fuq il-problema ta’ persuni bla dar.
L-influss ta’ ħaddiema barranin ħalla l-impatt fuq is-soċjetà li wassal biex il-persuni bla dar kompla jiżdied. Dan l-istħarriġ wera li bejn l-2020 u l-2022, meta l-għoli tal-ħajja sploda, hemm iktar minn 10,300 każ ġdid li 48% saru mill-Maltin.


Il-problema primarja li ffaċċjaw il-persuni barranin kienet dik ta’ nuqqas ta’ dar fejn kien hemm 270 każ. Ma’ dawn kien hemm problemi finanzjarji, probemi ta’ djar, problemi ta’ impjiegi u jnaqqas ta’ appoġġ meta kellhom bżonn. L-akbar ammont ta’ każi kien minn persuni Afrikani u warajhom persuni Maltin.
Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-liġi, it-tifsira ta’ dar hi kamra mikrija separatament għaliha. Dan ifisser li min għandu dar b’ħamest ikmamar jista’ jkollu ħames kirjiet.


Ivan Bartolo kompla li l-familji Maltin ma jistgħux jikkompetu għall-kirjiet mal-ħaddiema barranin li qed jaħdmu bil-paga minima. B’din il-liġi appartament sar kamra u hostels, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li terraced house saret kif kienet kerrejja fil-passat. Dan il-gvern biddel id-definizzjoni ta’ dar tant li llum ir-relazzjoni saret bejn sid wieħed u numru mhux definit ta’ inkwilini.


Ivan Bartolo kompla li se jkun diffiċli biex dan ikun regolat u qal li s-sidien llum jibżgħu jikru lill-Maltin. Dan filwaqt li l-barranin li qed jinġiebu qed jaħdmu bl-inqas pagi possibbli. Dawn ikunu ħallsu bejn €6,000 u €8,000 biex jiġu jaħdmu f’Malta.


Id-deputat Nazzjonalista sostna b’din il-liġi se terġa’ tfalli u żied li din il-liġi mhux se toħloq il-bilanċ neċessarju