L-Armata ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, iċċirkondat għal kollox il-belt ta’ Khan Younis li hi l-akbar belt fin-Nofsinar ta’ Gaza u fejn it-truppi ilhom l-aħħar jiem jiffaċċjaw reżistenza feroċi mit-terroristi tal-Ħamas.
Fl-istess ħin, hu rappurtat li t-truppi Iżraeljani avvanzaw aktar ‘il ġewwa f’din il-belt fejn il-Kapijiet tat-terroristi għandhom il-moħbiet qalb labirint ta’ mini taħt l-art – u fejn mifhum li qed jinżammu wkoll numru ta’ ostaġġi Iżraeljani.
It-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani, issa, għalqu l-aċċess mill-aħħar triq li twassal minn Khan Younis sal-kosta tal-Mediterran – bl-iżvilupp ifisser li l-ebda terrorist ma jista’ jaħrab lejn in-Nofsinar ta’ Gaza.
Fl-istess ħin, komplew ukoll il-battalji intensivi bejn it-truppi Iżraeljani u l-Ħamas fil-madwar tal-akbar żewġ sptarijiet f’Khan Younis.
Il-ġlied seħħ anki waqt li kienu għaddejjin il-funerali għal uħud mill-24 suldat Iżraeljani li nqatlu nhar it-Tnejn waqt waħda mill-agħar ġranet għall-militar mindu bdiet l-offensiva fuq Gaza, madwar tnax il-ġimgħa ilu.
Fl-istess ħin, mifhum li nqatlu wkoll ‘il fuq minn 200 Palestinjani oħra f’Gaza f’perjodu ta’ 24 siegħa.
Filwaqt li l-Iżraeljani qed jintensifikaw il-kampanja militari f’Gaza, huma xorta qed jiffaċċjaw reżistenza fanatika mill-Brigata ta’ Khan Younis tal-Ħamas li hi kunsidrata fost l-aktar entitajiet b’saħħithom tal-grupp magħmul mill-militanti Palestinjani…Grupp li hu stabbilit bħala organizzazzjoni terroristika minn Iżrael, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra.
//= $special ?>