Għawdex Kultura Lokali

Il-Ministru Clayton Bartolo bla pożizzjoni dwar il-bini biswit il-Ġgantija

Ministru ieħor fil-Kabinett ta’ Robert Abela li ma kellu ebda kliem ta’ kundanna – Ministru illi farfar fuq l-Awtorità tal-Ippjanar meta mistoqsi dwar il-proġett kontroversjali ta’ blokka appartamenti biswit it-Tempji tal-Ġgantija; proġett li ġie kkundannat minn kulħadd.

Ftit tal-jiem ilu tlett NGOs Għawdxin – Din l-Art Ħelwa Għawdex, Wirt Għawdex u Għawdix appellaw lill-Bord tal-Ippjanar sabiex jirrevoka l-permess għal dan il-bini, inqas minn 200 metru bogħod mit-Tempji megalitiċi tal-Ġgantija.

F’ittra mibgħuta bl-avukat minn dawn it-tliet NGOs, huma saħqu li l-Awtorità tal-Ippjanar ġiet żvijata għal kollox dwar jekk is-sit jaqax fil-buffer zone tal-UNESCO jew le.

Matul il-jum tal-Erbgħa Net News saqsa lill-Ministru Clayton Bartolo jekk jaqbilx ma’ dan il-proġett li ġie kkundannat minn kulħadd – proġett li huwa ta’ theddida fuq il-wirt dinji li għandna bħala nazzjon.

Iżda Clayton Bartolo immedjatment farfar kollox fuq l-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li fl-ebda mument ma’ kkundanna dan il-proġett.

Mal-mument li dan il-permess kontroversjali ħareġ fil-pubbliku spiċċa iddomina l-aħbarijiet hekk kif bosta qalu li dan il-proġett huwa ta’ theddida kbira għal dawn it-tempji megalitiċi, li jżuruhom ħafna turisti matul is-sena kollha.

Dan apparti li xahrejn ilu – meta ħareġ dan il-permess – il-UNESCO talbet heritage impact assessment, bil-Kunsilli Lokali Għawdxin ukoll ikkundannaw dan il-permess bil-qawwa kollha.