Lokali

“Il-PN qed isawwar proposti li jwasslu għal ħajja aħjar f’pajjiżna”

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel laqgħat mal-istakeholders kollha possibbli għax iridhom ikunu parteċipi fit-tfassil tal-politika tiegħu. Fost l-oħrajn mal-Istitut tal-Professjonisti fis-Servizzi Finanzjarji (IFSP), li hu stakeholder importanti ħafna fis-settur finanzjarju.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ mal-Istitut fid-Dar Ċentrali. Din il-laqgħa ssegwi oħrajn li mexxa fl-aħħar xhur bl-għan li l-Partit Nazzjonalista joffri l-proposti li jwasslu għal ħajja aħjar f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit immexxi minnu jrid ikompli jaħdem biex l-industrija tal-finanzi timxi ‘l quddiem u tegħleb l-isfidi li ssib quddiemha. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex jagħti l-appoġġ totali lil dan is-settur.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini u mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia.