Lokali Qorti

Il-Pulizija qed tipprova tintraċċa persuni li ffilmjaw l-attakk minn grupp ta’ bouncers lejliet l-Ewwel tas-Sena f’Paceville

Il-Pulizija għadha qed tipprova tintraċċa l-individwi li ffilmjaw attakk brutali fuq raġel minn grupp ta’ bouncers f’Paceville lejlet l-Ewwel tas-Sena. Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi l-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni ta’ wieħed mill-bouncers, Riald Gragjevi, li jinsab mixli li weġġa’ gravi lir-raġel.

Fi tmiem is-seduta, Gragjevi ingħata l-ħelsien mill-arrest, iggarantit b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €13,000, kif ukoll garanzija ta’ €15,000 minn terzi offruta minn min iħaddmu. Huwa kien ordnat ukoll jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa.

L-Ispettur Brian Xuereb esebixxa filmati tal-inċident, miġbudin minn żewġ sorsi differenti, minn żewġ angoli differenti. It-tnejn kienu ntbagħtu lis-sit LovinMalta, qal l-ispettur, li żied li l-pulizija kienu qed jippruvaw jaslu għand min ġibed il-filmati u jistabbilixxu komunikazzjoni magħhom.

L-ispettur ikkonferma li l-persuna fl-art kienet Idriss Ahmed Adem. Filmati mill-istabbilment Havana wrew li hija l-istess persuna, liebsa l-istess ħwejjeġ. Ix-xhud ikkonferma wkoll li l-post muri fuq il-filmat kien l-istess bħall-post fejn kien sab lir-raġel.

L-Ispettur Xuereb qal li kien inkarigat li jiġbor l-ismijiet tal-ħaddiema tas-sigurtà hemmhekk iżda qal li “l-informazzjoni kienet skarsa.” Persuna li identifikat ruħha bħala ħabiba ta’ Adem kienet qalet lill-pulizija li r-raġel kien attakkat minn bouncers, iżda Adem ma pprovax ikellem lill-pulizija wara li ħareġ mill-isptar, huwa qal.

Aktar minn 1,000 ruħ kienu preżenti f’Paceville f’nofs il-lejl lejliet is-sena l-ġdida. “Idris kien imdawwar bin-nies u l-informazzjoni inizjali li rċevejna kienet li kien imsawwat mill-gwardji tas-sigurtà.” Kontro-eżaminat mill-avukat ta’ Gragjievi, Shazoo Ghaznavi, l-Ispettur qal li bagħat messaġġ online lil Lovin Malta li ma ġiex imwieġeb, iżda kkonferma li ma kienx fiżikament mar fl-uffiċċji tas-sit.

Dan kien ifisser li ma setax jikkonferma jekk il-filmati li kien fil-pussess tal-pulizija kinux ġew editjati jew le. Ghaznavi staqsa kif beda l-inċident u fejn irċieva informazzjoni dwaru. L-investigazzjoni kienet bdiet wara li l-filmat ġie ppubblikat, qal. “Kellna wkoll rapport ippreżentat minn Riald għall-ħabta tal-4am li fih qal li kien aggredit minn persuni mhux magħrufa u li flixkun miksur kien twaddab fid-direzzjoni tiegħu.”

Il-pulizija għaqqdu l-filmati u r-rapport tal-aggressjoni, qal ix-xhud, u żied li l-persuna li tefgħet il-flixkun irriżulta li kienet l-istess persuna eventwalment imsawta. Huwa kien ra lil Idris jipprova jidħol Havana ftit qabel nofsillejl u jiġi rrifjutat id-dħul minħabba li ma weriex l-ID.

r-raġel kien argumenta mal-ħaddiema tas-sigurtà, li mbagħad imbuttawh it-taraġ biex jagħmel spazju għal patruni oħra. Idris kien baqa’ jargumenta mas-sigurtà, qal l-Ispettur, qabel ma qala’ daqtejn f’wiċċu u telaq minn fuq il-post.

CCTV wera kif, wara nofsillejl, ir-raġel deher jirritorna Havana iġorr flixkun tal-ħġieġ vojt fil-but ta’ wara tal-qalziet. Huwa pprova jitfgħu lejn wieħed mill-gwardjani tas-sigurtà, iżda twaqqaf minn Riald li għamillu ġest biex imur ‘l hemm. “Imbutta lil idris lura u Idris waqa’ mal-art. Imbagħad qam u tefa’ il-flixkun fuq wiċċ Riald.”

Kien ċar li l-flixkun kien maħsub biex jolqot lil Riald, iżda seta’ falla l-mira, qal l-ispettur waqt kontro-eżami. Meta wieġeb mistoqsija ta’ Dr. Ghaznavi, l-ispettur qal li fis-sentejn u nofs tiegħu f’San Ġiljan, ma kien irċieva l-ebda rapporti dwar l-imputat. “Naf lilu ftit (bħala riżultat tal-ġlieda tal-1 ta’ Jannar). Normalment sakemm persuna ma tikkawżax inċidenti ma nkunx nafhom.”

Il-filmati wrew lil Riald jipprova jevita l-flixkun milli jtir għal fuq u għatta wiċċu. L-ispettur qal li l-flixkun kien il-kawża tal-inċident. Il-qorti ddeċidiet li kienu ġew esebiti biżżejjed provi prima facie biex l-akkużat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Il-Maġistrat Kevan Azzopardi nnota li r-rikors għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, ippreżentat fit-12 ta’ Jannar, inżamm sospiż mill-Qorti sa l-Erbgħa. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet fuq pleġġ, il-qorti ħelset lill-imputat mill-arrest.

L-avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Jessica Formosa huma l-avukati difensuri. L-Avukat Giuliana Magro Conti qed tmexxi wkoll prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.