Internazzjonali

Ir-Russja: Jiġġarraf ajruplan b’65 priġunier tal-gwerra abbord….possibbiltà ta’ reat ieħor mill-Kremlin

L-indikazzjonijiet huma li ma salva ħadd minn fost 65 priġunier tal-gwerra Ukreni li kienu fuq ajruplan militari li ġġarraf fil-limiti ta’ Belgorod….il-belt Russa viċin il-fruntiera mal-Ukrajna.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li l-priġunieri tal-gwerra – ilkoll militar – kienu qed jivvjaġġaw lejn destinazzjoni f’Belgorod bħala parti minn pjan speċifiku għal skambju ta’ priġunieri mal-Ukreni. Intant, abbord l-ajruplan kien hemm anki ekwipaġġ ta’ sitta u tlett gwardjani ta’ skorta.

Iżda filwaqt li r-Russi qegħdin jgħidu li l-persuni fuq l-ajruplan ‘mietu kollha’, diversi sorsi indipendenti ma jistgħux jivverifikaw min tassew kien hemm abbord l-arjuplan – u wisq anqas x’seta’ ikkawża t-tiġrif.

Dan meta mifhum li l-ajruplan kien beda l-vjaġġ lejn Belgorod mill-bażi tal-ajru ta’ Chkalovksy, viċin ta’ Moska.

Fl-istess ħin, il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qed jakkuża lill-Ukreni dwar ‘attakk fuq l-ajruplan li kien ilu pjanat’ u mingħajr ma ressaq l-ebda provi.

Fil-preżent, l-Uffiċjali Ukreni qegħdin jinvestigaw iċ-ċirkustanzi li wasslu għat-tiġrif tal-ajruplan u meta ma jeskludux li l-inċident seta’ kien ‘reat tal-gwerra ieħor’ min-naħa tal-Kremlin.

L-Uffiċċju tal-Ukrajna li hu responsabbli għall-iskambju ta’ priġunieri, sadanittant, ikkonferma li l-awtoritajiet Ukreni qegħdin jiġbru u janalizzaw l-informazzjoni kollha relatata mat-tiġrif.

Dan ukoll meta l-kelliema fi Kiev wissew kontra l-mod kif ir-Russja qed tirrapporta l-inċidenti relatati mal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna – u fejn sostnew l-Kremlin għandu rekord twil ta’ ‘gideb u misinformazzjoni’.