Ewropa Lokali

“Irridu nkomplu naħdmu sabiex il-ġurnalisti jkunu liberi” – Roberta Metsola

“Il-Parlament Ewropew se jkompli jkun fuq in-naħa ta’ dawk li jfittxu l-verità, fuq in-naħa tal-ġustizzja, u tal-ġurnaliżmu indipendenti.”

Dan sostnietu l-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola waqt li kienet qed tindirizza taħdita organizzata mis-Servizz tar-Riċerka tal-Parlament Ewropew – laqgħa li iffukat fuq il-ktieb ta’ Paul Caruana Galizia ‘A Death in Malta: An Assassination and a Family’s Quest for Justice’, illi irċieva rikonoxximenti minn madwar id-dinja kollha.

Filwaqt li rriflettiet għall-qtil tal-ġurnalista Maltija, Roberta Metsola iddeskriviet ukoll kif din il-ġrajja kerha wasslet għal theżżiżiet lil hinn minn Malta u l-Unjoni Ewropea.

Roberta Metsola qalet li se jkomplu jilleġiżlaw sabiex jiżguraw li l-Ewropa tkun spazju fejn il-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu ħielsa mill-biża’, mill-fastidju, mill-vjolenza – ħielsa mill-qtil. Dan intqal b’referenza għall-Att dwar il-Libertà tal-Media u d-direttiva kontra l-iSLAPP li l-Parlament Ewropew ħadem għaliha matul din il-leġiżlatura.

Il-President Metsola qalet illi jeħtieġ nagħmlu aktar sabiex nipproteġu lill-ġurnalisti fl-Ewropa u lil hinn. Dan filwaqt li l-ġurnalisti jridu jkunu liberi biex jagħmlu xogħolhom.

Din it-taħdita kienet indirizzata wkoll mill-Viċi President tal-Kummissjoni Věra Jourova u mill-awtur innifsu, Paul Caruana Galizia.