Lokali Parlament

It-teknoloġija hi għodda ferm importanti għal governanza tajba


Stanley Zammit, PN


It-teknoloġija hi għodda ferm important għal governanza tajba u għandha tkun użata tajjeb biex ikun hemm aċċess aħjar għaċ-ċittadini.

Dan sostnih fil-parlament id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit. Hu qal li qed isir pass importanti fi trasformazzjoni sħiħa fil-qasam diġitali għaliex nistabbilixxu parametri ġodda f’dan il-qasam f’pajjizna u fl-Istati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.


F’dan id-diċenju digitali, aħna rridu nsaħħu s-sovranità diġitali u nkunu aħna li nissettjaw l-istandards b’fokus fuq id-data, fuq it-teknoloġija u fuq l-infrastruttura.


L-Unjoni Ewropea ħejjiet Digital Compass li jassigura li l-persuna tkun iċ-ċentru ta’ ekosistema diġitali fejn iċ-ċittadini jingħataw il-poter u fejn il-kwalità tal-ħajja tan-nies titjieb u n-negozji jikbru permezz ta’ dan il-potenzjal diġitali.


Din il-boxxla għandha erba’ punti kardinali l-ħiliet diġitali fejn qed nimmiraw li sal-2030 tal-anqas 80% ikollhom il-ħiliet diġitali bażiċi, infrastruttura diġitali sigura u tajba, t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u d-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku.


Malta ikklassifikat fis-sitt post fost is-27 Stat Membru fl-2022 u jidher li qiegħdin fit-triq it-tajba, anke jekk f’xi oqsma bħal konnettività għadna ftit lura. Id-diġitalizzazzjoni u dak li jiġi minnha jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna.


Fil-qasam tal-ippjanar din tista’ tigi applikata billi tassisti lill-planners biex jiġbru d-data, jaqilbuha f’informazzjoni azzjonabbli u jiżviluppaw knowledge base aġġornata kontinwament.


L-Ewropa qed tagħmel disponibbli aktar minn €250 biljun permezz tan-NextGenerationEU u fondi oħra.
Il-Gvern għandu jimbarka fuq proġett fit-tul biex naraw lil dawk li jippjanaw jużaw assistenti intelliġenti biex jimmonitorjaw ix-xejriet, jiskopru anomaliji, jidentifikaw u jantiċipaw bidliet fix-xejriet tal-attività u fl-imġieba u biex jistudjaw firxa usa ta’ xenarji u t-trajettorji tagħhom filwaqt li jevalwaw l-għażliet tal-ippjanar.


Anke jekk l-IA hija effettiva, il-kapaċità għall-planners u l-ħaddiema tal-Awtorità li jifhmu lill-partijiet interessati u l-uġigħ tagħhom tibqa’ integrali għall-ekosistema tal-ippjanar. Hu għalhekk li l-planners u l-ħaddiema għandhom iqattgħu inqas ħin fuq ħidmiet li jirrikjedu ħafna xogħol li jistgħu jiġu awtomatizzati jew jitħaffu u jqattgħu aktar ħin fuq analiżi fil-fond u l-involviment tal-komunitajiet. Dan ifisser li għandna ninvestu ħafna aktar fir-riżorsi umani.


Hu qal li rridu naraw ukoll li il-proċess ta’ diġitilizzazzjoni ma jkunx biss biex noħolqu numru ta’ proċessi gżejjer li ma jkunux integrati ma’ xulxin.


Huwa tajjeb li l-perit jippreżenta l-pjanti b’mod diġitali. Imma, kemm ikun aħjar, aktar mgħaġġel, aktar ġust, aktar trasparenti, aktar konsistenti jekk l-analiżi jekk il-proposta tal-iżvilupp hiex mal-policies u tilħaqx il-kriterji tal-kwalità, tal-estetika u dawk ambjentali, ukoll b’mod diġitali bl-għajnuna tal-intelliġenza artifiċjali?


Id-deputat Nazzjonalista qal li ma jagħmilx sens li għad għandna proċessi medjokri fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni fejn wieħed ikollu jagħmel entry eletronika mad-Dwana, entry eletronika mal-VAT, entry eletronika mal-NSO u entry eletronika għall-fini ta’ assigurazzjoni għall-istess ħaġa u bl-istess informazzjoni.


Jagħmel sens li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jrid joqgħod jistenna li d-dipartimenti jgħaddulu d-data u r-rapporti? Wasal iż-żmien ta’ integrazzjoni sħiħa tad-diversi sistemi iżolati fejn id-data tkun disponibbli mill-ewwel.


It-teknoloġija hi għodda ferm important għal governanza tajba, imma huwa għandha tkun wżata tajjeb biex ikun hemm aċċess aħjar għaċ-ċittadini u n-negozji għal prodotti u servizzi; jinħoloq l-ambjent u l-kundizzjonijiet tajbin u level playing field għan-networks diġitali u servizzi u prodotti innovattivi, jkun massimizzati l-potenzjal tal-ekonomija u d-dinja diġitali u jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull persuna għall-kwalità ta’ hajja aħjar għal kulħadd f’pajjiżna.