Lokali Qorti

Jammetti li wettaq vjolenza domestika fuq ommu

Żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Qrendi ammetta li hedded u kkaġuna biża li ser tintuża vjolenza domestika fuq ommu. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-prosekuzzjoni flimkien mad-difiża qalu li l-ġuvni jbati mill-kundizzjoni ADHD u qatt ma ingħata trattament għaliha.

Ingħad ukoll li l-akkużat li ismu mhux jissemma’ biex tiġi protetta l-familja tiegħu bgħat diversi messaġġi lil ommu jistaqsiha jekk għadiex tħobbu u meta hi damet ma wiġbitu, bagħtilha messaġġ u qalilha li se jaqbad arma tan-nar u joqtolha.

L-avukat difensur Jason Azzoppardi qal lill-Qorti li l-akkużat għamel hekk biex jiġbed l-attenzjoni u l-imħabba ta’ ommu. Dr. Azzopardi għamel ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba giet milqugħa fuq depożitu ta’ 200 ewro u garanzija personali ta’ 4,000 ewro filwaqt li l-akkużat irid jiffirma darba fil-ġimgha fl-għassa taż-Żurrieq.

Il-Magistrat Joe Mifsud laqa’ wkoll it-talba tal-prosekuzzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fuq l-omm. Is-sentenza se tingħata f’Mejju fuq rapport tal-ufficjal tal-probation. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.