Fl-aħħar jiem kellna konferma oħra ta’ kemm il-Gvern ta’ Robert Abela qed jarmi lill-artisti, hekk kif kompla jipposponi l-wegħda elettorali li jibni l-Villaġġ tal-Karnival.
Dan intqal mill-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra, mix-Shadow Minister għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja Charles Azzopardi u mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontorjat Graziella Galea.
F’dawn il-jiem nibdew naraw aktar fil-beraħ it-talent mogħni ta’ bosta artisti u dilettanti tal-Karnival, hekk kif jibda jinħareġ ir-riżultat ta’ sena ħidma għall-jiem tal-Karnival. Festi rinomati anke ‘l bogħod minn xtutna u li jagħtu tant spettaklu lill-familji Maltin u Għawdxin.
Sfortunatament iżda, l-ilwien tal-Karnival ġew imdallma bl-aħbar minn Owen Bonnici, li fejn suppost hemm il-Villaġġ tal-Karnival fil-Marsa, se jibqa’ wieħed fantażma.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jesiġi li jagħti r-riżorsi kollha meħtieġa lill-artisti tal-Karnival u li jieqaf jgħaddi minn għajn il-labra lid-dilettanti. Ifakkar ukoll li, minbarra l-ħin u d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies, jidħlu wkoll ħafna finanzi, tant li ħafna minnhom jispiċċaw joħorġu l-flus minn buthom biex ikunu jistgħu joħolqu xogħol artistiku ta’ kwalità għolja.
Barra minhekk, dawn in-nies qed jaħdmu f’postijiet inadegwati, fejn il-biċċa l-kbira tagħhom m’għandhomx spazji adattati fil-garaxxijiet tagħhom u anke fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jistaqsi u jagħmel pressjoni biex dan il-Villaġġ jitlesta, iżda l-Gvern Laburista qed jibqa’ jkaxkar saqajh. Din hi wegħda oħra li għadu ma wettaqx dan il-Gvern għal dawn l-aħħar 11-il sena.
//= $special ?>