Internazzjonali

L-Iraq: Jikkundanna r-rejds tal-Amerikani fuq il-milizji appoġġjati mill-Iran

Il-Gvern tal-Iraq ikkundanna bil-qawwi lill-Istati Uniti wara li l-qawwiet Amerikani attakkaw is-siti fl-Iraq li qed iservu bħala bażijiet għall-gruppi tal-milizji u paramilitari appoġġjati mill-Iran.

Il-kelliema għall-Prim Ministru Iraqi Mohammed Shia al-Sudani, qalu li l-Amerikani ‘abbużaw b’mod sfaċċat is-sovranità ta’ pajjiżhom’ – u bl-Istati Uniti twieġeb li ‘l-attakki kienu mirati biss għall-gruppi armati li huma affiljati mar-reġim fundamentalista f’Tehran.’

L-attakki konċentraw fuq il-paramilitari ta’ grupp armat magħmul minn ġellieda Xiti Musulmani b’alleanza soda mal-Iran. Intlaqtu fost oħrajn il-bażijiet tal-paramilitari fil-belt ta’ al-Qaim, qrib il-fruntiera mas-Sirja u fl-inħawi ta’ Jurf al-Nasr, fil-provinċja ta’ Babil.

Is-Segretarju Amerikan għad-Difiża, Lloyd Austin, qal  li l-attakki fuq il-faċilitajiet tal-milizji tal-grupp Kataib Hezbollah u gruppi armati oħra saru b’reazzjoni għall-aggressjoni kontinwa fuq il-qawwiet Amerikani u l-qawwiet internazzjonali oħra fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja.

L-Iraq wieġeb li l-azzjonijiet tal-Istati Uniti kontribew għal eskalazzjoni perikoliża fis-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani li għaddej mill-akbar kriżi għal għexieren ta’ snin. Il-Gvern ta’ Bagdad qal ukoll li l-azzjonijiet tal-Amerikani ħallew impatt negattiv għall-aspetti ta’ kooperazzjoni bejn l-Iraq u Washington u li ilhom is-snin wara l-kroll tar-reġim tal-eks-dittatur Saddam Hussein.