Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna l-mewt ta’ anzjan wara li tajru b’vann

Raġel ta’ 41 sena, residenti l-Kalkara ma nstabx ħati mill-Maġistrat Nadine Sant Lia li ħames snin ilu kkaġuna l-mewt ta’ anzjan f’Bormla wara li tajjru bil-vann li kienet qed isuq. Ruben Callus kien qed jiġi mixli mill-prosekuzzjoni li fl-24 ta’ Settembru tal-2019 tajjar lil Alfred Aquilina, anzjan ta’ 79 sena.

L-inċident kien seħħ fi Triq it-8 ta’ Diċembru. Mad-daqqa, l-anzjan spiċċa quddiem il-vann u sofra ġrieħi serji f’rasu. Aquilina kien miet ftit aktar minn ġimgħa wara. Callus kien tressaq il-Qorti mixli li b’sewqan traskurat, perikoluż u bla kont tajjar lil Aquilina waqt li kien qed jaqsam it-triq.

Mill-provi rriżulta li l-vittma qasam ħażin u mill-agħar biċċa tat-triq, fejn titwessa’ sew u fiha ħruġ ta’ triq sekondarja. Irriżulta wkoll, li l-parti tat-triq fejn seħħ l-inċident fiha ħafna dell minħabba siġar kbar. Dan kollu kien ikkontribwixxa għall-inċident.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li Callus kien qed isuq b’madwar 50 kilometru fis-siegħa u li għalhekk ma kienx qed isuq b’veloċità eċċessiva. Callus li xehed fil-każ tiegħu qal li kien qed isuq lejn il-Birgu u li “fl-aħħar mumenti” ra persuna f’nofs it-triq.

Huwa qal li qabel seħħ l-inċident kien mar f’garaxx li huwa għandu Raħal Ġdid u dak il-ħin, għall-habta tas-6:00 am kien sejjer lura lejn il-Kalkara biex jipprepara qabel jidħol xogħol. L-imputat ippreżenta
pjanta li tindika r-rotta li huwa ħa li niżżel mill-GeoServer tal-Awtorità ta' l-Ippjanar kif ukoll ritratti tas-senjaletika stradali f’dik iz-zona.

Spjega li l-pedestrian priority zone tispiżża kif tiskorri l-Knisja ta’ Santa Tereża u taqbad Triq it-8 ta’ Diċembru li hija inklinata ghat-telgħa. Skont hu, hekk kif qabad dik il-biċċa tat-triq kien qed isuq b’veloċità ta’ bejn 45-50 km/s li fil-fehma tiegħu
hija normali ghal dik l-akkwata.

Jgħid li kien ghadu d-dlam u li d-dawl tat-triq huwa mgħotti bis-siġar. Bħala traffiku ma kien hemm ħadd għaddej la fil-vija tiegħu u lanqas dik kuntrarja. F’daqqa waħda ra lill-vittma miexi minn taħt il-kurdun tal-bankina lejn nofs it-triq madwar erba’ metri minn fejn kien hu, u kemm u u l-vittma inħasdu u għalkemm għafas il-brejk u dawwar il-vann lejn il-lemin, sar l-impatt.

Qal li l-vittma kien liebes ħwejjeġ skuri u beritta u l-impatt sar mal-mudguard, il-bonett u l-windscreen tal-vann lejn in-naħa tax-xellug. Mad-daqqa il-vittma irrombla minn fuq il-bonett u waqa’ madwar żewġ metri quddiem il-vann.

Hu niżel immedjatament mill-vann u mar ħdejn il-vittma biex jgħinu iżda wara ftit waqfu żewġ nisa li qalu li kienu nfermiera u ħadu hsieb lill-vittma huma. Wara ftit waslu fuq il-post pulizija mill-Għassa ta’ Bormla li għalqu t-triq għat-taffiku ghalkemm mill-karreġġjata tieghu ma setgħux jgħaddu karozzi għax kienet magħluqa mill-vann.

Dak il-ħin, għalkemm jgħid li kien taħt xokk enormi, kien tkellem mas-Surġent biex spjegalu x’ġara. Jinnega li kien ħalla xi brake marks. In kontro-ezami qal li kien jgħaddi minn dik it-triq miżerjament tliet darbiet kuljum għal emm kien ilu jsuq u li probabbilment il-vittma kien għadda minn fejn iż-zebra crossing għax kien għaddej mill-Birgu lejn Bormla imma għażel li ma jaqsamx minnha.

Jgħid li huwa ra biss figura skura fl-aħħar hin u ma ppretendiex li kien se joħroġlu meta kien daqstant viċin. Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li d-difiża irnexxilha ġġib prova suffiċjenti li l-post fejn seħħ l-inċident mhuwiex il-post fejn fil-verità seħħ l-incident.

Il-Qorti qalet li hi osservat li kemm ir-rapport ta’ l-inċident, kif ukoll ir-rapport ta’ l-espert Mario Buttigieg
jindikaw it-Triq Santa Tereża, Bormla. Kien għalhekk ikun għaqli li kieku waqt l-inkjesta jew waqt il-provi tal-prosekuzzjoni li kien jiġi maħtur perit sabiex jagħmel pjanta tal-post fejn seta jiddetermina bħala stat ta’ fatt l-isem tat-triq kif suppost.

Il-Qort qalet li tenut kont dan il-fatti tara li hemm ċertu nuqqasijiet fil-mod kif tressqet il-prosekuzzjoni kif ukoll il-provi li nġabu, kif ukoll dawk li għal xi raġuni li ma nġabux li joħolqu dubju serju sal-grad rikjest mill-liġi sabiex tinstab ħtija ta’ l-imputat.

Wara li l-Qorti għarblet il-provi kollha imressqa, tqis li mill-assjem tal-provi kif miġbura u mressqa quddiemha i tqis li l-provi tal-prosekuzzjoni ma kienux tali li tipprova il-każ tagħha sal-grad rikjest mill-liġi.

Ghaldaqstant, il-Qorti wara li rat l-Artikolu 225(1) tal-Kapitolu 9 tal-Kodiċi Kriminali, Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta kif ukoll l-Artikolu 15(1)(a) tal-Kapotilu 65 tal-Liġijiet ta’ Malta issib lil Ruben Callus mhux ħati ta’ l-imputazzjonijier miġjubin kontrih u tilliberah minn kull ħtija u piena dwarhom. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri.