Kollox qed jindika li l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti se tkun ikkuntestata mill-ġdid bejn l-eks President Repubblikan Donald Trump u l-President Amerikan Joe Biden: il-kandidat tal-Partit Demokratiku li ilu kważi erba’ snin imexxi lil pajjiżu.
Intant, ir-rebħa kbira (sigħat ilu) ta’ Trump fil-primarji ta’ New Hampshire komplew jikkonfermaw lill-eks-President bħala ‘frontrunner’ – jiġifieri favorit assolut – li jikkuntesta għall-White House f’isem il-Partit Repubblikan.
Dan ukoll meta fadal biss Nikki Haley, li hi l-eks-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, bħala l-unika sfidanta serja (għal Trump) għan-nomina tal-Partit Repubblikan.
Hu anki sinifikanti li l-President Biden, fl-aħħar kummenti, qal li ‘issa qed jidher ċar’ li Donald Trump se jisfidah, ‘il quddiem, għat-tmexxija tal-Istati Uniti….Kummenti li jidhru li niżlu għasel ma’ Trump u l-membri tal-kamp Repubblikan,
Il-primarji ta’ New Hampshire kienu t-tieni proċess, fuq livell ta’ Stat, fejn is-sostenituri Repubblikani kellhom jiddikjaraw il-preferenza għall-kandidat li jrid jirrappreżentahom fl-elezzjoni kruċjali ta’ Novembru….Elezzjoni mill-aktar mistennija peress li tista’ tibdel bil-kbir is-sitwazzjoni ġeopolitika preżenti.
//= $special ?>