Lokali

Anke l-Aġenzija Sedqa temmen li l-ammonti indikati fil-White Paper tad-Droga għandhom ikunu inqas

L-Aġenzija Sedqa temmen li l-ammonti ndikattivi kif qed ikunu proposti bħalissa fil-White Paper li ressaq il-Gvern għandhom ikunu inqas minn dak propost. Dan sabiex jintlaħaq bilanċ bejn flessibilità ġudizzjarja f’każijiet ġenwini u bejn id soda għal min jipprova jdur mas-sistema bi skuża ta’ “problema ta’ droga”.

Din il-pożizzjoni uffiċjali minn naħa tas-Sedqa ġiet espressa fi stqarrija maħruġa dalgħodu, fejn intqal li l-Aġenzija se tibqa’ tikkommetti ruħha sabiex tibqa’ tikkollabora u toffri l-għarfien speċjalizzat tagħha f’dan is-settur, bi proposti bbazati fuq riċerka, evidenża xjentifika u esperjenzi tal-klijentela tagħha li f’xi punt jew iehor f’ħajjithom iffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ dipendenza u r-realtajiet soċjali li dawn iġibu magħhom.

Is-Sedqa qalet ukoll li għaddiet il-proposti preliminari tagħha, u issa ser tkun qed tgħaddi formalment il-feedback fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Fl-aħħar jiem, anke l-Caritas qalet bl-aktar mod ċar li ma taqbilx mal-ammonti proposti fil-White Paper tad-droga. U appellat sabiex ikun hemm konsultazzjoni vera.