Lokali

Atlas Insurance tisponsorja l-installazzjoni GEO-INF għall-irkupru tal-ilma tax-xita fil-Kulleġġ San Alwiġi

Il-faċilità għall-irkupru tal-ilma tax-xita GEO-INF ġiet inawgurata minn Atlas Insurance ġewwa l-Kulleġġ San Alwiġi din il-gimgħa. L-installazzjoni, iddisinjata mill-Ing. Marco Cremona biex twassal l-ilma tax-xita mis-soqfa tal-bini tal-iskejjel direttament sal- water table, tikkontribwixxi biex jiġu mimlija mill-ġdid il-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art.

Din hija t-tieni installazzjoni ta’ din ix-xorta sponsorjata mill-Atlas Community Involvement Fund, li twaqqaf biex jipprovdi qafas ċar u trasparenti li permezz tiegħu Atlas Insurance tidentifika u tappoġġja firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ involviment fil-komunità.

Għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni attendew il-Kap Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance Matthew von Brockdorff, id-Direttur Eżekuttiv u Chair tal-Atlas Insurance Community Involvement Committee Catherine Calleja, ir-rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi Fr Jimmy Bartolo sj, Daniela Mariani u Leo Busuttil, membri oħra tal-Atlas Insurance Community Involvement Committee, l-Ing. Cremona, għalliema u studenti li qed jipparteċipaw fil-programm EkoSkola.

Waqt li kienet qed tindirizza l-avveniment, Catherine Calleja qalet: “Bħala kumitat, saret deliberazzjoni konsiderevoli fl-għażla ta’ dan il-proġett, li mhux biss huwa allinjat mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 6 – Ilma Nadif u Sanità, iżda qed jiġi installat apposta f’ambjenti edukattivi. Nittamaw li b’hekk nikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u edukattiv tal-istudenti, sabiex isiru ċittadini responsabbli, infurmati tajjeb u impenjati b’mod attiv.”

Ir-rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi, Fr Jimmy Bartolo, tkellem dwar il-valuri ambjentali li tħaddan il-Knisja Kattolika. Huwa kompla jgħid: “Il-proġett GEO-INF huwa pass ieħor li permezz tiegħu nimplimentaw b’mod attiv l-għan li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna. Huma azzjonijiet bħal dawn, meħuda mis-soċjetà ċivili, li jagħmlu differenza kbira f’pajjiżna.” Filwaqt li alluda għall-motto tal-Kulleġġ, Fr Bartolo ħeġġeġ lill- istudenti biex jieħdu l-affarijiet żgħar bis-serjetà, biex b’hekk iwittu t-triq għal kisbiet
akbar, ħalli verament isiru rġiel u nisa għall-oħrajn.