Lokali

Għax il-Gvern bla pjan, qed jerġa’ jaqla’ t-toroq li għadhom kemm saru – PN

Għax il-Gvern ta’ Robert Abela u Miriam Dalli jagħmel kollox bla ma jkollu pjan fit-tul, qed jerġa’ jaqla’ toroq li għadhom kemm saru biex isiru ‘upgrades’ fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.

Dan intqal mix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Joe Giglio u mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut.

Filwaqt li l-‘upgrades’ fl-infrastruttura huma bżonnjużi, u l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar l-importanza li jsir ix-xogħol, il-fatt li l-Gvern Laburista qed jaqla’ mill-ġdid diversi toroq li jkunu għadhom kif saru biex jerġa’ jgħaddi l-cables hu konferma kemm il-Gvern ma kellux pjan ħolistiku u fit-tul, filwaqt li jagħmel kollox bl-addoċċ. Tal-iskantament kif dawn l-‘upgrades’ ma setgħux ġew previsti sena u sentejn ilu.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jappella għal pjan ħolistiku u fit-tul fejn tidħol l-infrastruttura ta’ pajjiżna.

Ritratt: Martin Agius