Il-Gvern suppost soċjalista u suppost tarka tal-ħaddiema…qed joħloq anomalija kbira fis-settur tas-saħħa…u waqt li qed joqtol lill-middle class qed joħloq klassi ġdida. Klassi ta’ dawk li jistgħu u dawk li ma jistgħux…dawk li lesti biex iħallsu għal saħħa aħjar…u dawk li ma jaffordjawx.
Sostna dan ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista l-Ħamis filgħodu, fejn flimkien max-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Stephen Spiteri elenkaw l-isfidi li dan is-settur preżentament qed iħabbat wiċċu magħhom.
Adrian Delia saħaq li s-settur tas-saħħa jinsab fi stat ta’ emerġenza huwa nnifsu, fejn faħħar it-tobba, il-carers u l-professjonisti għal ħidma tagħhom hekk kif fi kliemu sostna li kieku mhux għall-ħidma sfieqa tagħhom…is-sitwazzjoni hija ferm agħar milli hi.
Huwa sostna li pajjiżna qed iħoss l-effetti tan-nuqqas ta’ investiment fl-Isptar San Luqa, dak Ġenerali t’Għawdex u Karin Grech.
Dan filwaqt illi insista li l-problema tant hi akuta… li mhux biss hemm waiting lists qawwija ta’ operazzjonijiet…imma saħansitra ta’ testijiet li jridu jsiru qabel…bil-waiting list tat-testijiet tal-MRI tirdoppja għal aktar minn 15,000 fl-aħħar 6 xhur biss.
Adrian Delia stqarr ukoll fuq il-fatt li pajjiżna qed iħabbat wiċċu ma lista twila ta’ mediċini out of stock – skont il-Ministru Jo Etienne Abela xejn inqas minn 250. Għaldaqstant huwa sostna li dan kollu qed joħloq distinzjoni bejn min jiflaħ iħallas għal saħħa aħjar u min le…realtà ta’ immoralità taħt Gvern suppost soċjalista.
Intant, id-Deputat Stephen Spiteri saħaq li kull dipartiment fis-settur tas-saħħa qiegħed jegħreq.
Huwa sostna li operazzjonijiet fuq it-trauma list –dawk li suppost isiru f’temp ta’ sigħat…bħal ksur qed jitħallew jistennew jiem sħaħ. U f’kazi ta’ minor surgeries, bħal ftuq u tneħħija ta’ ċesti…il-pazjenti lanqas biss jafu meta se ssirilhom l-operazzjoni.
Spiteri insista li pajjiżna għandu bżonn ta’ sptar ieħor li jservi ta’ spalla għall-Isptar Mater Dei, u appella għal miżuri intermedjarji – għax fi kliemu ninsabu diġà tard wisq. Stephen Spiteri appella biex jintużaw sptarijiet privati ħalli l-poplu jinqeda b’mod adegwat…filwaqt li fakkar li Gvern Laburista f’10 snin…minkejja l-wegħdi kollha, għadu ma beniex sptar ġdid fil-gżira Għawdxija.
Huwa sostna li anke fis-settur tas-saħħa mentali dan il-Gvern qiegħed ifalli hekk kif għadna nistennew sptar ġdid, għaliex fi kliem il-professjonisti fis-settur dak attwali, ċjoè ta’ Monte Carmeli m’għadux wieħed adegwat.
Intant id-Deputat Nazzjonalista sostna li preżentament f’dan l-isptar hemm ‘il fuq minn 260 pazjent rikoverat…b’il fuq minn 20% minnhom għandhom mard minħabba abbuż ta’ droga.
Finalment huwa tkellem dwar persuni li jispiċċaw jittalbu biex jingħataw kura għal kanċer, fejn saħansitra jiġu interrogati sabiex jaraw persuna tkunx intitolata għal kura tal-kanċer b’xejn jew le.
Għaldaqstant insista li Partit Nazzjonalista jemmen b’konvinzjoni li mas-saħħa m’hemmx kompromessi.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal illi Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi il-bini ta sptar ġdid għall-kura mentali, investiment fl-Isptar San Luqa u l-bini ta Sptar Ġenerali ġdid f’Għawdex.
//= $special ?>