Iżrael qed ikun akkużat dwar ‘disrispett assolut għar-regoli tal-gwerra’ wara attakk fuq faċilità tan-Nazzjonijiet Uniti f’Gaza li qed isservi bħala kumpless għall-kenn taċ-ċivili Palestinjani.
Il-faċilità tinsab fin-naħa t’isfel ta’ Khan Younis, u fl-attakk inqatlu talanqas 15, b’madwar 80 jisfaw midruba – uħud minnhom kritikament.
L-Aġenzija tan-NU għall-Ħarsien tar-Refuġjati Palestinjani qalet li numru ta’ balal laqtu liċ-ċentru tat-taħriġ ta’ din il-faċilità fost il-ġlied qalil bejn it-truppi Iżraeljani u l-militanti tal-Ħamas, fil-limiti ta’ Khan Younis.
Sadanittant, l-uffiċjali tal-Aġenzija ikkundannaw bla riservi il-qtil traġiku taċ-ċivili fil-faċilità. Dan waqt li l-militar Iżraeljan eskluda li l-inċident kien riżultat ta’ bumbardament bl-artillerija jew ta’ xi attakk mill-qawwiet tal-ajru.
L-Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, kienu qed jinvestigaw l-azzjonjiet militari viċin il-faċilità u fejn ma eskludewx li ċ-ċentru tat-taħriġ seta’ intlaqat mill-isparar tal-Ħamas.
Intant qed jiħraxu l-battalji bejn il-militar Iżraeljan u l-ġellieda fantatiċi tal-Ħamas li qed jippruvaw iżommu lill-Iżraeljani milli javvanzaw aktar ‘il ġewwa fil-Punent ta’ Khan Younis.
Dan ukoll meta l-belt sħiħa tinsab iċċirkondata mis-suldati u t-tankijiet tal-gwerra ta’ Iżrael.
Fl-istess ħin, il-battalji u l-bumbardamenti fil-madwar tal-isptarijiet ewlenin ta’ Khan Younis ħallew l-eluf tal-pazjenti, membri tal-istaff mediku u ċivili iżolati fl-inħawi u kważi mingħajr tama li jsalvaw minn din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>

