Lokali Unjoni Ewropea

Il-President Metsola tiltaqa’ mal-Maltin li jgħixu fil-Lussemburgu

“Il-vot fl-elezzjonijiet tal-UE hu investiment fil-futur komuni tagħna, li jagħti d-direzzjoni
lill-Unjoni li aħna parti minnha.” Il-President tal-Parlament Ewropew stqarret dan waqt żjara
uffiċjali fil-Lussemburgu. Matul iż-żjara tagħha, il-President Metsola ltaqgħet mal-Prim
Ministru Luc Frieden, qabel il-laqgħa Speċjali tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa d-dieħla fi
Brussell.

Il-President Metsola ltaqgħet ukoll mal-Membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Dr
George Hyzler. Hija kellha wkoll laqgħa ma’ tradutturi Maltin li jaħdmu mal-istituzzjonijiet
Ewropej fil-Lussemburgu, fejn enfasizzat li s-servizz li qed jagħtu lill-lingwa Maltija billi
jittraduċu dokumenti fl-ogħla livelli tal-Unjoni Ewropea hu ta’ min ifaħħru.

Iż-żjara fil-Lussemburgu kienet parti mit-tour tal-President Metsola għall-ħruġ tal-vot fl-Istati
Membri qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Waqt diskussjoni maż-żgħażagħ,
il-President Metsola qalet li “kull vot huwa importanti, hekk kif inkomplu nieħdu deċiżjonijiet
ewlenin li jolqtuna lkoll: dwar it-tkabbir ekonomiku, is-saħħa, il-migrazzjoni, il-klima,
is-sigurtà.”

Il-President tal-Parlament Ewropew kellu wkoll laqgħa ma’ Claude Wiseler, President
tal-Kamra tad-Deputati tal-Lussemburgu.