Lokali

Imut ix-xandar Piju Spiteri

Illum tħabbret il-mewt ta’ Piju Spiteri fl-età ta’ 85 sena. L-aħbar ingħatat minn ibnu, il-mużiċist Renzo Spiteri, ilbieraħ filgħodu.

Tul is-snin okkupa diversi karigi importanti, u kien attiv ukoll fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, fejn bejn l-1959 u l-1962 kien President Nazzjonali. Għamel ukoll perjodu editur tal-organu tagħhom, il-gazzetta ‘Il-Ħaddiem’. Kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Malta Song Festival.

Piju Spiteri twieled Ħal Għaxaq fil-25 ta’ Lulju 1938. Ta’ 20 sena daħal jaħdem bħala skrivan mar-Royal Air Force.

Ħadem fil-Ministeru tal-Public Works li kien għadu taħt l-Ingliżi fl-aħħar tal-ħamsinijiet u l-bidu tas-sittinijiet, mnejn mar jaħdem mal-Kummissarju Għoli Ingliż.

Fl-1965 beda jaħdem mar-Rediffusion bħala script-writer, producer u preżentatur. L-involviment tiegħu fil-ġurnaliżmu u x-xandir inkluda perjodu bħala membru fil-Bord tad-Diretturi tal-gazzetta ‘Il-Ħajja’, produttur u preżentatur tal-programm soċjo-reliġjuż popolari ‘Djalogu’ fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali. Kien ukoll membru fil-Moviment ta’ Kana u fil-Kunsill Pastorali Djoċesan tal-Knisja.

Fl-1987 inħatar responsabbli mir-relazzjonijiet pubbliċi tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. Fl-1994, imbagħad, sar Direttur tal-Avvenimenti tal-Organizzazzjoni Nazzjonali għat-Turiżmu (NTOM). Fost oħrajn kien responsabbli għal attivitajiet kbar bħall-Imdina Festival, il-Birgu Festival, il-Valletta History and Elegance Festival u l-Malta International Choir Festival. Kien ukoll involut fil-Kumitat għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millennju.

Meta rtira bl-età, baqa’ attiv fil-volontarjat, u għal xi snin anki kien jagħti daqqa t’id fil-Librerija Informa tal-kumpanija media.link.