Chris Cardona jerġa jitfaċċa fuq it-televiżjoni
Wara li fl-2019 kellu jirriżenja minn Mexxej tal-Labour u minn Prim Ministru f’nofs il-kriżi li kien xeħet il-pajjiż fiha u t-taqbid fil-kurituri ta’ Kastilja….Joseph Muscat issa qed jiġi imbuttat sabiex jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Muscat kien diġà serva bħala Membru Parlamentari Ewropew bejn l-2004 u l-2008 wara li kkontesta l-elezzjonijiet ewropej – suċċess li wasal wara diversi snin iħeġġeġ lin-nies iħassru l-vot tagħhom għar-referendum tas-sħubija fl-Ewropa meta kien għadu jimmilita bħala ġurnalist mas-Super One.
L-istess Muscat li sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kemm-il darba ipponta għal kariga għolja fi ħdan l-Unjoni Ewropea – iżda qatt ma wasal.
Issa, l-messaġġier ewlieni tal-Labour Party Emmanuel Cuschieri qed iħeġġeġ lin-nies jesprimu l-ħsieb tagħhom dwar l-eventwalità li Joseph Muscat jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej.
Fl-istess waqt mhux biss qed jiftaħ il-bieb beraħ għar-ritorn ta’ Joseph Muscat fil-politika…iżda ta vetrina lill-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru għall-Ekonomija – Chris Cardona. L-istess Cardona li ftit tal-ġimgħat biss qabel Muscat warrab mix-xena, irriżenja minn Ministru waqt il-kriżi politika tal-2019…ftit wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech.
L-istess Cardona li diversi allegazzjonijiet implikawh fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia; allegazzjonijiet li huwa dejjem ċaħad u insista li hu kien vittma ta’ frame-up.
L-istess Cardona li meta kien għadu jagħmel parti mill-mejda tad-deċiżjonijiet…kien jinċita l-vjolenza.
L-Erbgħa filgħaxija Emmanuel Cuschieri tah palata fuq l-istazzjon televiżiv fejn tkellmu fuq il-passatempi tiegħu…fuq kemm għamel ġid il-Labour taħt Mintoff, Mifsud Bonnici, Sant u Muscat…u kemm Abela qed jipprova jmexxi.
L-istess Robert Abela, suċċessur ta’ Muscat, li sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed jgħidu li jinsab maqbud ostaġġ minn dawk ta’ qablu – l-istess nies li serva magħhom bħala konsulent legali fil-kabinett. U kollox qed jindika li wara li fetaħ il-bieb għal Rosianne Cutajar u Justyne Caruana – il-bibien miftuħin beraħ sabiex Joseph Muscat jirritorna fix-xena….bil-kukkanja li ġabet pajjiż għarkupptejha fl-2019 għadha fiċ-ċentru tal-ħsibijiet tal-Gvern Laburista.
//= $special ?>