Lokali Qorti

Mixli b’pusses ta’ droga mhux għal użu tiegħu

Omar Alhamdoalgorsh ta’ 26 sena mis-Sirja u li joqgħod San Pawl il-Baħar ġie mixli quddiem il-Maġistrat Monica Vella li fil-pusses tieghu kellu droga Cannabis liema droga nstabet f’ċirkostanzi li ma kinitx ghall-użu esklussiv tiegħu. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Francesco Mizzi qalet li nhar it-Tlieta, l-pulziija tal-komunità innutaw van fejn kellu l-brekijiet ta’ wara mhux jaħdmu.

Meta waqfu l-vettura, il-pulziija xammew riħa qawwija ta’ ħaxixa u kien hawn li saret tfittxija fuq l-imputat u l-vettura. Instabu 62 gramma droga cannabis u tmien pilloli ecstacy. Għall-akkużi miġjubin kontrih is-Sirjan wieġeb mhux ħati bid-difiża mmexxija mill-avukat Noel Bianco titlob għal ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha peress li qalet li n-natura tal-akkużi huma gravi. Il-Maġistrat Vella laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 5,000 ewro filwaqt li l-imputat irid jiffirma l-għassa tal-Qawra darbtejn fil-ġimgħa. Il-Maġistrat poġġiet ukoll lill-imputat taħt ordni ta’ trattament.